Is-skiet… qabel ir-risposta

Miguela Xuereb

Read in English.

Qabel ma għada l-poplu Malti u Għawdxin se jkun qed jivvota fl-elezzjonijiet li ilna nisimgħu dwarhom għal bosta xhur, il-jiem tas-silenzju waslu, propju qabel ma l-poplu Malti jagħti r-risposta tiegħu lill-kandidati kollha.

Għal 24 siegħa qabel l-elezzjoni, u f’jum l-elezzjoni stess, il-poplu Malti se jitħalla jaħseb waħdu dwar min l-aktar iħoss li jirrappreżentah, mingħajr l-ebda indħil mill-midja, mill-partiti politiċi u kandidati. Bejn illum u għada ma jistgħux isiru attivitajiet u kummenti politiċi, la mill-partiti u lanqas mill-mezzi tax-xandir. Kull min jinqabad jagħmel dan, jispiċċa jaffaċċja l-konsegwenzi.

X’għandek tkun taf qabel tmur tivvota?

Il-votazzjoni għada se tibda mis-7am u tibqa’ sejra sal-10pm. Għall-ewwel darba l-età tal-votanti se tibda minn dawk li għandhom 16-il sena. Fil-postijiet tal-votazzjoni hu pprojbit l-użu ta’ mowbajls, kameras jew apparat fotografiku ieħor.

Aqra: Dettalji li għandek tkun taf qabel tmur tivvota

Il-ġranet ta’ silenzju bdew min-nofsillejl li għadda, u kull stazzjon, gazzetta jew ġurnal kellha tiżgura li ma jiġux repetuti programmi jew ippubblikati artikli li jistgħu jitqiesu li qed jiksru l-jumejn tas-silenzju.

L-Awtorità tax-Xandir talbet lill-midja biex kull xandir u rappurtaġġ f’dawn il-jumejn isir b’kawtela u tagħrif, dikjarazzjonijiet, jew stqarrijiet b’kontenut politiku jew ta’ natura politika ma jixxandrux. Bl-istess mod, ma għandux jixxandar reklamar b’xejra politika.

Aqra: Riżultat Elezzjoni: Is-soltu joħroġ fi 3 ijiem; issa f’inqas minn 3 minuti