“Is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha toħroġ l-aqwa fil-Maltin” – Il-President

President George Vella
Ritratt minn: Miguela Xuereb

Read in English.

“Is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha bħalissa qed toħroġ l-aqwa karatteristiċi tal-Maltin fejn qed jiżdied il-volontarjat ma’ min għandu bżonn l-aktar għajnuna, l-anzjani, il-persuni vulnerabbli, anke l-ħaddiema tal-isptar. Ninsab tassew qrib il-poplu kollu.” 

Dan qalu l-President ta’ Malta George Vella meta kien qed jiġi intervistat minn Jesmond Saliba waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103

Il-President faħħar lill-Maltin kollha għal kemm qed juru rispett u kooperazzjoni mal-awtoritajiet, kif ukoll solidarjetà ma’ ħaddieħor. Saħaq li fl-aħħar mill-aħħar, quddiem sitwazzjoni ta’ periklu u ta’ nkwiet, bħalma hija din il-marda, kulħadd huwa ugwali. Il-President Vella tkellem ukoll dwar il-qawwa ta’ Alla u l-kapaċità tal-professjonisti li lkoll qed jaħdmu flimkien biex jgħinu lil kull min għandu bżonn, u jsalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet. 

Spjega kif s’issa 80% tal-każijiet kienu infettati b’mod ħafif, u dan jawgura tajjeb, “għax b’hekk nisperaw li ma jkollniex iffullar fl-isptar”. Talab lill-poplu kollu biex jingħaqad flimkien u jiġġieled kontra dan il-virus, li huwa l-għadu komuni tagħna. 

Il-President tkellem ukoll dwar id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, li qal li l-Coronavirus qed turi kemm hu kbir il-ġenn tal-gwerra. 

Huwa stqarr li l-akbar weġgħa ta’ qalb huwa l-fatt li fid-dinja għad hawn tant gwerer u tbatija. Huwa fisser li l-ikbar ġerħa fid-dinja hija l-industrija tal-armi u l-munizzjon. “Filwaqt li dawn jagħmlu lil ftit nies sinjuri, minn naħa l-oħra joħolqu tbatija kbira fost ħafna nies”, kompla jgħid. Fisser li hija ironija kbira li fi żmien il-gwerra l-provvisti tal-ikel u tant bżonnijiet oħra jieqfu, imma l-armi xorta waħda jibqgħu disponibbli. 

Il-lockdown u l-gwerra

Il-President ta’ Malta tkellem ukoll dwar il-possibbiltà ta’ lockdown matul il-gwerra, u qal kemm dan jista’ jkollu konsegwenzi akbar għal kull min ikun maqbud fil-kunflitt. Tkellem minn qalbu, u b’mod sinċier talab biex jitwaqqfu l-gwerer mad-dinja kollha, sabiex flimkien inkunu nistgħu niffukaw fuq l-għadu komuni li huwa l-pandemija tal-coronavirus. Semma r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-armi, u tenna l-appell tas-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres, li talab il-waqfien immedjat tal-ġlied madwar id-dinja kollha. 

Il-President kompla jgħid li fid-dinja ideali tiegħu, jieqaf il-kunflitt armat fil-pajjiżi kollha. Semma l-gwerra tas-Sirja u tal-Jemen, gwerra li ilha għaddejja għal snin twal, tant li t-tfal tal-post kibru f’dan l-ambjent u ma jafux ħajja oħra. “Jafu biss ir-realtà tal-gwerra, fejn kuljum jiffaċċjaw tbatija, u jgħixu ħajja ta’ nuqqasijiet. Il-problema tibqa’ kif dan jista’ jiġi implimentat”, kompla jgħid. 

“Fil-gwerra l-Maltin kienu jiftħu x-xelters anke għall-barranin”

Stqarr li f’Malta naraw l-ispirtu altruwist – hekk kif anke fi żmien it-tbatija, il-Malti juri solidarjetà. Fakkar li lura lejn żmien il-gwerra f’Malta, il-Maltin kienu jiftħu x-xelters anke għall-barranin. Faħħar lill-poplu Malti għal kemm qed jimxi mal-ordnijiet u jirrispetta lil xulxin. “Il-poplu qed juri fiduċja għax qed jingħata messaġġi sinċiera u diretti, u dan huwa fattur importanti ħafna. Qed naraw poplu matur u edukat, li lest li jagħmel sagrifiċċju għall-ġid ta’ kulħadd, biex nipproteġu lil min hu l-aktar vulnerabbli”, irrimarka Dr Vella.

Il-President qal ukoll li f’dawn l-aħħar jiem huwa kellem lil diversi kapijiet oħra ta’ pajjiżi differenti, fosthom tal-Italja u ta’ Spanja, u qal kif kulħadd bħalissa jinsab fl-istess sitwazzjoni. “Kulħadd imbeżża’ u inċert, kulħadd jipprova jillimita l-effetti negattivi ta’ din il-pandemija fuq iċ-ċittadini tiegħu” stqarr il-President George Vella. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn