Sarima mal-ġurnalisti permezz ta’ qtil – Manfred Weber

Iċ-Ċerpersin tal-EPP Manfred Weber qal li “huwa jum imdallam għad-demokrazija meta l-ġurnalisti qed jiġu msikkta bil-qtil” .
Fi stqarrija, il-Partit Popolari Ewropew (EPP) qal li t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora f’Malta huwa reali u l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva prominenti Daphne Caruana Galizia huwa prova ta’ dan.
Weber kompla jgħid li stat ħieles u membru tal-Unjoni Ewropea ma jistax iħalli dawn l-avvenimenti xokkanti jseħħu. Qal li l-EPP qed isejjaħ għall-inkjesta sħiħa.
L-EPP fakkar kif Caruana Galizia kellha fama internazzjonali għall-pożizzjoni tagħha kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Qalu li hi kienet il-ġurnalista li kixfet l-iskandlu tal-Panama Papers f’Malta b’riżultat li ġew esposti l-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru għall-Enerġija ta’ dak iż-żmien.
Il-partit qal li qed isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi u biex tiżgura li ssir investigazzjoni fonda u bir-reqqa.
L-EPP temm jgħid li jitlob lill-Kummissjoni toħroġ stqarrija dwar il-protezzjoni tal-libertà tal-midja f’Malta fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.