“Is-sitwazzjoni f’Malta bħalissa inkwetanti” – Il-President

Read in English.

Il-President George Vella offra messaġġ ta’ tama lill-poplu Malti fiż-żmien “inkwetanti” li d-dinja tinsab fih minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Hu wera tħassib partikolari fuq l-anzjani, li ħajjithom “inqalbet ta’ taħt fuq” minħabba l-qagħda kurrenti.

Fi stqarrija ppubblikata l-Ħadd waranofsinhar, il-President qal li s-sitwazzjoni f’Malta bħalissa hi waħda inkwetanti, madankollu quddiemha, huwa appella li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jikkopera, partikolarment ma’ dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Stqarr li hu konxju tas-sagrifiċċji li qegħdin isiru kemm mill-poplu biex josserva u jwettaq id-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa, minn dawk kollha mgħobbija bir-responsabbiltà li jħarsu s-saħħa pubblika, kif ukoll dawk li mistennija jduru bil-pazjenti milquta minn din il-marda.

Il-każijiet tal-lum
142 każ ġdid tal-coronavirus

Il-President Vella wera apprezzament għax-xogħol tal-carers fid-djar tal-anzjani, u ta’ dawk li x-xogħol tagħhom iġibhom wiċċ imb wiċċ mar-riskju li jieħdu l-virus, bħall-għalliema u l-edukaturi.

Il-President għamel kuraġġ lill-poplu u appella biex titħares is-saħħa mentali. “Fuq kollox hemm bżonn li nżommu s-sens ta’ tama ħaj u nħarsu ‘il quddiem lejn ġejjieni li jeħodna lura għan-normalità,” temm jgħid.