Is-sitwazzjoni fl-Italja kritika; il-ħajja trid tkompli bir-regolamenti – Conte

Ritratt - Gvern Taljan

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, f’konferenza tal-aħbarijiet wara laqgħa mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez f’Ruma nhar it-Tlieta li għadda, qal li “l-pajjiżi tagħna bħalissa għaddejjin minn mument partikolarment diffiċli b’sitwazzjonijiet kritiċi: irridu nuru li meta nirrispettaw ir-regolamenti u l-prekawzjonijiet imfassla, il-ħajja, ukoll dik politika, tista’ tkompli”. 

Huwa kompla jgħid “irridu nżommu l-impenji tagħna iżda qabel kollox, hemm bżonn nirrispettaw ir-regolamenti”.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, u l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ħadu sehem f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien wara laqgħa bejniethom fil-Palazz Chigi f’Ruma.

Il-premier Taljan qal li l-istrateġija tal-Gvern rigward il-pandemija tal-coronavirus, fid-dawl ta’ mewġa ġdida, kienet dik ta’ miżuri restrittivi iżda lokalizzati. Huwa qal li l-gvernaturi u s-sindki jistgħu jintroduċu miżuri “kull meta s-sitwazzjoni issir partikolarment inkwetanti”. Għaldaqstant, saħaq ukoll li miżuri lokalizzati jridu jkunu implimentati flimkien ma’ koordinazzjoni nazzjonali.

“Ma nistgħux nerġgħu nipproponu l-istess strateġija ta’ lockdowns nazzjonali,” qal Conte li qabel ma’ Sanchez li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa hija kompletament differenti minn meta kien hemm l-ewwel mewġa. “M’għadniex mhux preparati u llum għandna sistema sofistikata ta’ monitoraġġ,” żied jgħid.

Conte kompla qal li r-Recovery Fund tal-Unjoni Ewropea mistenni jibda’ jwassal is-€750 biljun mill-1 ta’ Jannar li ġej u saħaq li “ma nistgħux nistennew iżjed minn hekk”. Huwa qal li r-rispons tal-UE biss jista’ jgħin biex terġa’ titqajjem l-ekonomija, u mhux atteġġjament nazzjonalistiku. 

Conte qal ukoll li kien tkellem mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fejn qalilha li l-UE għandha tasal għal ftehim ta’ Brexit mar-Renju Unit, iżda mhux akkost ta’ kollox.

Il-każijiet ġodda ta’ coronavirus fl-Italja reġgħu żdiedu fl-aħħar 24 siegħa minn 9,338 nhar it-Tnejn, għal 10,874 nhar it-Tlieta. Ittieħdu madwar 144,000 swab tests. Kien hemm 89 imwiet ġodda, meta mqabbla mat-73 rappurtati t-Tnejn li għadda, skont il-ministeru tas-saħħa.

L-Italja qed tara żieda fil-każijiet f’diversi reġjuni, fosthom fil-Lombardija u l-Campania, fejn ġew ordnati curfews

Il-Prim Ministru Giuseppe Conte nhar it-Tlieta qal li l-miżuri lokali xorta waħda għandhom ikunu kkoordinati fuq livell nazzjonali.