Is-sitwazzjoni fil-Libja diskussa waqt laqgħa bejn Cameron u Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron iddiskutew kif Malta u r-Renju Unit jistgħu jaħdmu flimkien mal-komunità internazzjonali għal soluzzjoni fil-Libja.
Il-Prim Ministru f'kummenti lill-midja qal li huwa importanti li wieħed jagħti ċans lid-diplomazija taħdem. Saħaq li jekk hemm bżonn, u fuq talba tal-poplu Libjan, il-Ġnus Magħquda għandha tindaħal biex tgħin lil dan il-poplu. 
Iż-żewġ Prim Ministri ltaqgħu f'laqgħa bilaterali li saret fi Glasgow, l-Iskozja, fl-okkażjoni tal-Logħob tal-pajjiżi tal-Commonwealth u l-Business Council tal-Commonwealth.
Dr Muscat qal li ż-żewġ pajjiżi jemmnu li t-72 siegħa li ġejjin huma importanti ħafna għal-Libja fejn se jiltaqa’ l-parlament il-ġdid Libjan biex jaħtar il-mexxejja l-ġodda tiegħu fl-isfond ta’ fazzjonijiet li ma jridux li dan iseħħ. 
Is-sigurtà fil-Libja, qal il-Prim Ministru, hija kruċjali għal Malta kemm bħala pajjiż ġar tal-Libja, kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ investiment, dawk umanitarji u fuq kollox minħabba l-immigrazzjoni illegali.
Il-Prim Ministru fakkar li għadha fis-seħħ ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li biha kienu saru l-attakki kontra l-Libja fil-bidu tar-rivoluzzjoni u għaldaqstant ma hemmx bżonn riżoluzzjoni oħra.

Ritratt: Reuben Piscopo DOI