“Is-sitwazzjoni f’ċertu nħawi tal-pajjiż m’għadhiex aċċettabbli” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu jkun moviment tal-ordni pubblika jiġifieri l-moviment tal-“law and order” minħabba li s-sitwazzjoni f’ċertu nħawi tal-pajjiż m’għadhiex aċċettabbli.
F’Santa Luċija, il-Prim Ministru semma l-konferenza tal-aħbarijiet li l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia għamel fil-Marsa fejn ħabbar proġett pilota li se jara lill-Forzi tal-Ordni kollha jagħmlu rondi frekwenti.
Il-Prim Ministru saħaq li b’ebda mod mhux se jittolleraw ksuħat mill-Forzi tal-Ordni iżda hemm bżonn ta’ aktar sigurtà. Hawnhekk qal li imġiba ħażina mhix se tiġi ttollerata u saħaq li meta persuna tiddeverti trid għandha tirrispetta lin-nies ta’ madwarha.
Kompla jgħid li dan il-proġett pilota jista’ jiġi estiż għal lokalitajiet oħra fosthom il-Ħamrun, Birżebbuġa, il-Qawra u Buġibba.
Semma l-punti għal min isuq fejn saħaq li l-imġieba ta’ ċertu sewwieqa m’għadiex aċċettabbli u qal li “trid tidħol l-idea li fil-pajjiż hemm ċertu regoli u kulħadd irid jimxi magħhom”.
“Il-Pulizija aġixxew billi taw riżultati”
Dwar il-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru faħħar il-forzi tal-ordni u qal li dawn “aġixxew billi taw ir-riżultati”.
Semma l-kummenti tad-Direttur tal-Europol, meta qal li huwa kuntent li l-Europol kien parti minn din l-investigazzjoni.
Fakkar kif minn sitwazzjoni li kulħadd kien jgħid li diffiċli li jissolva dan il-każ, b’għajnuna internazzjonali imma bis-saħħa tal-istituzzjonijiet Maltin tressqu l-qorti n-nies li huma suspettati li huma involuti fil-każ.
Qal li “forsi għall-ewwel darba l-forzi tal-ordni waslu għal konklużjoni f’każ daqstant kbir”.
Jqabbel iż-żieda fl-investiment fil-forzi tal-ordni
Il-Prim Ministru qal li ż-żieda ta’ investiment fil-forzi tal-ordni Maltin fil-ħames snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista kienet ta’ 10% filwaqt li fl-aħħar ħames snin, l-invesitment żdied bi 22%.
Skont il-Prim Ministru, din iż-żieda fl-investiment fissret li dawn setgħu jimpjegaw aktar nies u aktar riżorsi.
"Min jikkritika lill-Gvern nagħtuh aktar libertà biex jikkritika”
Dwar il-midja, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jagħti libertà bla preċedent lill-mezzi tax-xandir. Saħaq li dan juri l-kredenzjali demokratiċi tal-Partit Laburista. Spjega li permezz ta’ din il-leġislazzjoni "min jikkritika lill-Gvern nagħtuh aktar libertà biex jikkritika”.
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern huwa l-ewwel Gvern Laburista li naqqas flok żied ir-rata ta’ qgħad. Huwa qal li għalhekk jissejjaħ “il-moviment tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku”. Semma r-riżultati li kiseb dan il-Gvern fit-tielet kwart ta’ din is-sena fejn bejn Ġunju sa Settembru l-ekonomija kibret b’7.2%.
Fakkar fil-kumpanija li skont l-eks-kap tal-PN Simon Busuttil kellha titlaq eżatt wara l-elezzjoni iżda l-Prim Ministru kien żar l-uffiċini tagħha u hemmhekk il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija kkonferma li se tibqa’ topera f’Malta.
Dwar il-kumpanija Crane Currency, il-Prim Ministru qal li t-tibdil tas-sidien mhux se jaffettwa lill-ħaddiema f’din il-kumpanija. Sostna li waħda mill-affarijiet li attirat lis-sidien il-ġodda biex jixtru l-kumpanija kien il-proġett ta’ fabbrika ġdida f’Malta.
Semma wkoll il-flus u l-ġid li fi kliemu qed jinħoloq f’Malta. Kien hawnhekk li l-Prim Ministru 'daħaq' bl-għadd ta’ nies li pprotestaw il-Ħadd li għadda meta Antonio di Pietro qal li Malta mhux stat mafjuż bħall-Italja, imma stat li qed ikun maħkum mill-mafjuzi. 
Saħaq li l-istabbilità ħa twassal għal aktar tkabbir ekonomiku.
Tkellem ukoll dwar l-aħbar li fiż-żmien li ġej, ċertu trattamenti mediċi li jsiru fl-Ingilterra se jibdew isiru f’Malta b’investiment li se jitħabbar dalwaqt.