‘Is-sitwazzjoni bejn il-banek u n-negozji hi bla preċedent’ -GRTU

Il-GRTU stqarret li s-sitwazzjoni bejn il-banek u n-negozji hi bla preċedent, bil-klijenti qed isibuha diffiċli biex jifhmu għalfejn jistgħu jiftħu negozju f’Malta iżda mhux kont bankarju. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, sostna li dan qed iwassal għat-telf ta’ negozju.

F’laqgħa li saret mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri rappreżenti mis-servizzi finanzjarji spjegaw l-isfidi li ta’ kuljum qed jaffaċċjaw fin-negozju tagħhom. Sostnew li din is-sitwazzjoni żvolġiet minħabba s-sitwazzjoni preżenti fis-settur bankarju. Fil-laqgħa, l-GRTU saħqet dwar l-importanza li tinsab soluzzjoni fit-tul u b’mod immedjat biex b’hekk il-membri u l-klijenti tagħhom jibqgħu jaraw lil Malta bħala pajjiż li jistgħu jinvestu fih.

Skont il-GRTU, is-sitwazzjoni bankarja qegħda twassal biex investituri qed jerġgħu jikkunsidraw jekk għadux ta’ valur li jinvestu f’Malta u jekk dan għadhux ta’ benefiċċju għalihom. Il-GRTU spjegat li din is-sitwazzjoni qed tgerrex l-investiment.

Il-GRTU żiedet tgħid li f’każijiet li huma kkunsidrati li huma ta’ riskju baxx, ma għandux għalfejn wieħed idum sena jistenna biex jinfetħalu l-kont bankarju. Sostniet li s-settur bankarju qed jonqos minn ħafna aspetti u bħala eżempji semmgħiet in-nuqqas ta’ struttura u proċedura ċara ta’ kif il-banek jaċċettaw klijenti ġodda. Il-GRTU saħqet li mhux qed issir kommunikazzjoni ċara mal-klijienti ta’ jekk in-negozju huwiex se jinfetaħlu kont bankarju jew jekk dan hux se jiġi rrifjutat. Il-GRTU qalet ukoll li l-klijenti u membri li tradizzjonalment dejjem ħadmu ma’ banek lokali qed jispiċċaw bil-kontijiet tagħhom magħluqa mingħajr ma tingħata raġuni valida.

Il-GRTU sostniet li hemm bżonn iktar banek li joperaw f’Malta sabiex jitaffew il-problemi li hi għamlet referenza għalihom.