Is-sitt kuntratt tal-UE għax-xiri ta’ vaċċin kontra l-Covid-19

FILE PHOTO: REUTERS/Dado Ruvic/Illustration/

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet taħditiet esploratorji ma’ BioNTech-Pfizer biex jinxtara vaċċin li potenzjalment jaħdem kontra l-COVID-19.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li dan l-arranġament sar biex il-coronavirus jinegħleb kullimkien. Dan filwaqt li l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides qalet tinsab ottimista li fost dawn il-kandidati se jkun hemm vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19 li se jgħinna negħlbu din il-pandemija.

It-taħditiet esploratorji li ġew tlestew illum huma maħsuba li jwasslu għal Ftehim Antiċipat ta’ Xiri ffinanzjat bl-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, li jinkludi fondi apposta biex jinħoloq portafoll ta’ vaċċini potenzjali bi profili differenti u magħmulin minn kumpaniji differenti.

BioNTech-Pfizer hija s-sitt kumpanija li l-Kummissjoni kkonkludiet taħditiet magħha, wara Sanofi-GSK, Johnson & Johnson, CureVac u Moderna, li t-taħditiet magħhom ġew konklużi fil-31 ta’ Lulju, fit-13 ta’ Awwissu, fit-18 ta’ Awwissu u fl-24 ta’ Awwissu rispettivament. L-ewwel kuntratt, iffirmat ma’ AstraZeneca, daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu.

Bil-kuntratt previst mal-kumpanija l-ġdida, l-Istati Membri kollha tal-UE jkunu jistgħu jixtru l-vaċċin, kif ukoll jagħtuh b’donazzjoni lil pajjiżi b’introjtu aktar baxx u medju jew jiddiriġuh mill-ġdid lejn pajjiżi Ewropej. Hu antiċipat li l-Kummissjoni se jkollha stabbilit qafas kuntrattwali għax-xiri ta’ 200 miljun doża f’isem l-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll l-għażla li tixtri 100 miljun doża oħra, li għandhom jiġu fornuti ladarba jkun hemm prova li l-vaċċin huwa sikur u effettiv kontra l-COVID-19.

Intant, illum ġie żvelat kif AstraZeneca, waħda mill-kumpaniji li qed tittestja vaċċin ewlieni tal-COVID-19, ħabbret li kellha twaqqaf momentanjament l-ittestjar, wara li parteċipant fil-fażi finali tal-istudju marad b’mod li ma setax jiġi spjegat.