Is-sit ta’ networking soċjali Facebook fil-mira t’ attakk sofistikat

Matul ix-xahar li għadda, s-sit ta’ networking soċjali Facebook kien fil-mira t’ attakk sofistikat. Madanakollu ma nstabet l-ebda evidenza li informazzjoni ta’ xi individwi ġiet misruqa. Irriżulta li s-sit ta’ networking soċjali bbażat fl-Istati Uniti safa fil-mira t’ attakk meta l-impjegati tal-istess sit żaru websajt żviluppata li kienet kompromessa.

Jidher li dan seħħ minħabba Malware li tniżżel fuq il-laptops tal-impjegati. Hu mifhum li hekk kif huma skoprew il-preżenza ta’ dan il-Malware, magni kollha li kienu infettati ġew irranġati. Dwar dan tnediet investigazzjoni li għadha għaddejja.

L-iżviluppaturi ta’ Facebook, permezz ta’ post qalu li din ma kinitx l-unika kumpanija li ġiet attakkata b’dan il-mod. Intqal ukoll li huma aktar minn biljun persuna li jużaw is-sit ta’ networking Facebook madwar id-dinja. Hu mifhum ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, is-sit ta’ networking twitter irrapporta li nsterqu mal-250,000 password kif ukoll informazzjoni oħra.