“​Is-sit finali għall-università Amerikana għadu ma ntagħżilx”

Il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Chris Cardona, fil-Parlament, qal li s-sit għall-università Amerikana għadu ma ntagħżilx “għalkemm il-potenzjal huwa hemm”.
Wara sensiela ta’ Mistoqsijiet Supplimentari mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Ministru nsista li s-sit taż-Żonqor f’Marsaskala għadu mhux deċiż, l-istess kif ikkonferma l-Prim Ministru Joseph Muscat ftit minuti wara.
Il-Prim Ministru tenna dak li qal qablu l-Ministru Cardona, li f’dan l-investiment intuża l-istess mudell li uża l-Gvern preċedenti għal Smart City.
Simon Busuttil kien qed jitlob konferma jekk is-sit kienx magħżul mill-investitur kif kien qal f'okkażjoni oħra l-Ministru Chris Cardona, allegatament f'konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministri Evarist Bartolo u Leo Brincat.
Joseph Muscat qal li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet pubbliċi u evalwazzjoni ta’ kull punt min-nies tekniċi u l-Gvern qed ifittex li jnaqqas l-impatt għat-teħid ta’ art fin-naħa taż-Żonqor biex il-kampus, waqt li jibqa’ parti kbira minnu f’Marsaskala, ikollu parti oħra mill-kampus fi nħawi oħra fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Dwar il-proposta li l-kampus isir fil-forti Rikażli, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għaddej b’konsultazzjoni mal-aġenzija li tieħu ħsieb l-industrija tal-films biex issir evalwazzjoni ta’ xi jkun l-impatt fuq din l-industrija jekk tittieħed il-forti jew parti minnha. Semma wkoll il-faċilità ta’ tindif tat-tankijiet, li jsir fil-qrib, li jekk ikollha tiċċaqlaq minn hawn tkun teħtieġ art verġni.