Is-sisters qed jagħmlu xogħol li japprezza Ġesù – l-Arċisqof

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li s-sorijiet Agostinjani qed jagħmlu xogħol li japprezza Ġesù.

Dan qalu fil-125 sena tas-sorijiet Agostinjani f’Malta li tfakkret nhar il-Ħadd li għadda b’ċelebrazzjoni li saret fl-iskola Santa Monika, Birkirkara. Għaliha attendew għalliema, studenti, u l-ġenituri tagħhom.

L-Arcisqof Charles Scicluna ltaqa’ ma’ dawk li attendew u ċċelebra Quddiesa ta’ radd il-ħajr għall-ħidma li qed iwettqu s-sorijiet. L-Arċisqof qal li kulħadd hu midjun lejn is-sorijiet, u permezz tagħhom lejn Alla.

“Illum is-sisters qegħdin jagħmlu xi ħaġa li żgur japprezzaha Ġesù,” qal Mons. Scicluna.

 “U aħna kulħadd midjunin magħhom: min għandu ’l uliedu qegħdin l-iskola, min forsi bħali għallmuh is-sisters, u aħna rridu ngħidulhom grazzi għax din xi ħaġa li tagħmilna nies. Min jitgħallem u jgħid grazzi qed jitgħallem jgħix ta’ nies. Kemm hi ħaġa sabiħa meta intom il-ġenituri lit-tfal tagħkom tgħallmuhom jgħidu grazzi, tgħidulhom jgħidu jekk jogħġbok jew please u tgħidulhom ukoll jgħidu sorry, aħfirli.”

“Ħadt pjaċir nisma’ lis-sister tagħtina l-esperjenza tagħha, qalet li hija l-iżgħar sister f’Malta. Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-familji l-ġenituri jitgħallmu jifirħu meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu għax dawn huma grazzi tal-ħniena tiegħu, isejjaħ lil xi ħadd biex jagħti ħajtu għal missjoni kbira bħal din.”

Mons. Scicluna tkellem ukoll dwar il-vokazzjonijiet – kemm dawk reliġjużi kif ukoll dwar il-vokazzjoni għaż-żwieġ.

“Kemm hi ħaġa sabiħa anke min għandu l-vokazzjonijiet għaż-żwieġ. Il-vokazzjoni għaż-żwieġ hija vokazzjoni qaddisa, li permezz tagħha l-miżżewġin isiru ġisem wieħed, ikunu qrib xulxin f’isem il-Mulej. B’xi mod il-miżżewġin jgħidu lil xulxin: ‘Alla magħna’,” qal l-Arċisqof.