Transport Malta ħabbret li s-sistemi kompjuterizzati kollha relatati mal-liċenzji tal-vetturi u s-sewqan issa reġgħu lura għan-normal.
Minn dalgħodu, l-Awtorità fetħet ukoll l-uffiċċju tagħha fi ħdan l-Unità għal-Liċenzji tal-Vetturi u s-Sewqan (DVLU) fi Triq Pantar f’Ħal Lija. Qalet li hemmhekk, il-klijenti jistgħu jmorru jipproċessaw it-tranżazzjonijiet tagħhom relatati mar-reġistrazzjoni, bidla fis-sid tal-vettura jew kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-liċenzji tas-sewqan.
Dan wara li fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru, is-sistema tal-kompjuters ta’ Transport Malta sarilha cyber attack.
Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn l-uffiċċji huma:
- A3 Towers, Triq l-Arkata, Raħal Ġdid: It-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis, il-Ġimgħa bejn is-7.30am u 12pm; l-Erbgħa bejn is-7.30am u s-2pm.
- Triq Pantar, Ħal Lija: It-Tlieta, l-Erbgħa, il-Ħamis, il-Ġimgħa bejn is-7.30am u 12pm; it-Tnejn bejn is-7.30am u s-2pm.