Is-sistema tal-vouchers terġa’ tibda taħdem wara ħsarat

Read in English.

Is-sistema li tħaddem l-użu tal-vouchers tal-€20 li qed iqassam il-Gvern issa reġgħet bdiet taħdem wara li kien hemm ħsara teknika.

Fuq Facebook, il-Mimcol li hija l-entità governattiva li qed topera s-sistema tal-vouchers qalet li kien hemm għadd ta’ negozji li kellhom problemi bil-web-app biex jiskenjaw il-vouchers.

Il-Mimcol qalet li s-sistema issa reġgħet lura għan-normal. Qalet li n-negozji għandhom joħorġu mill-‘Vouchers Mimcol app’ u jerġgħu jidħlu fiha biex ikunu jistgħu jużawha.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ kelliema għall-Ministeru għall-Ekonomija li rreferiet għall-istqarrija tal-Mimcol.

We are aware that a number of business users faced problems with the web-app used to scan vouchers. We wish to…

Posted by Mimcol on Saturday, July 18, 2020

Dalgħodu kien hemm diversi persuni li lmentaw dwar il-problema. Qalu li sakemm titranġa’ l-problema ma kinux se jaċċettaw il-vouchers. Fuq Facebook kien hemm min ipprova jattakka u jgiddeb lil min tkellem dwar il-problema, però issa anke l-entità governattiva Mimcol ammettiet li kien hemm diffikultajiet.

Kummenti fuq Facebook

Fl-10 ta’ Lulju l-Mimcol qalet li l-vouchers jiġu attivati 24 wara li jaslu għand dak li jkun. Qalet li n-nies għandhom jħallu dan il-perjodu jgħaddi qabel ma jonfquhom f’xi ħanut biex tiġi assigurata l-validità tal-vouchers tagħhom.

X’inhuma dawn il-vouchers?

Biex jipprova jistimula aktar l-ekonomija l-Gvern ħabbar din l-inizzjattiva tal-vouchers. Kull persuna f’Malta li għandha aktar minn 16-il sena se tirċieiv ħames vouchers b’valur ta’ €20-il wieħed. Erba’ minnhom jistgħu jintefqu f’ristoranti u wieħed minnhom jista’ jintefaq f’ħanut li kellu jagħlaq waqt il-pandemija.