​Is-sistema tal-IT ta’ Mater Dei lura għan-normal wara li falliet

Is-sistema tal-informazzjoni amministrattiva tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei ma setgħetx tintuża' għal madwar seba’ siegħat wara li falla update tas-softwer.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li l-fornitur tas-sistema li tipproċessa dettalji personali bħal numri tat-telefon u indirizzi tal-imejls tal-pazjenti kien ippjana li jagħmel aġġornament tas-sistema kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Madanakollu, għal xi raġuni, fis-6:00am meta l-update kellu jkun lest, is-sistema falliet. Falzon qal li dak il-ħin beda l-proċess biex is-sistema terġa’ tibda topera kif kienet qabel, proċess li tlesta għall-ħabta tas-01:00pm dakinhar stess.
Mistoqsi dwar jekk dan l-inċident kellux xi effetti fuq is-saħħa tal-pazjenti, Falzon wieġeb fin-negattiv. Qal li l-aktar l-aktar, seta’ kien hemm xi dewmien b’rabta max-xogħol amministrattiv. Qal per eżempju li peress li f’dawk is-sigħat l-informazzjoni kellha tinkiteb fuq il-karti, seta’ kien il-każ li xi sodod ma ġewx allokati lill-pazjenti bil-ħeffa tas-soltu. Falzon qal li s-sistema tar-reġistri mediċi, li fost oħrajn ikollha informazzjoni relatata mal-kampjuni tad-demm, ma ġietx affettwata.
Falzon irringrazzja lill-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei talli taħt kull ċirkostanza jimxu mal-politiki stabbiliti.