Aġġornata: Is-sistema tal-għadd tal-voti kif inhi ma tistax tintuża fl-elezzjonijiet li jmiss – PN

Clyde Puli | Newsbook

Is-sistema elettronika l-ġdida tal-għadd tal-voti kif inhi bħalissa ma tistax tintuża fl-elezzjonijiet li jmiss wara li allegatament ġiet imbagħbsa skont il-Partit Nazzjonalista.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) Clyde Puli qal li l-Kummissjoni Elettorali u l-kumpanija wara s-sistema l-ġdida għandhom jagħmlu minn kollox biex jassiguraw li l-għadd tal-voti jkun wieħed li jirrefletti dak li jkun qal il-poplu Malti.

Puli spjega li xi ħmistax ilu sar l-ewwel test tal-votazzjoni permezz ta’ eluf ta’ voti. Qal li aktar minn 40% tal-voti għaddew għall-analiżi manwali. Qal li wara sar magħruf li xi voti li kellhom jgħaddu għal din l-analiżi ma bdewx jgħaddu u li voti oħra li ma kellhomx bżonn aktar analiżi bdew jgħaddu.

Puli qal li fit-tieni test li sar, l-uffiċjali tal-PN innutaw li kienu qed isiru xi affarijiet “strambi”. Puli qal li l-uffiċjali insistew biex jingħataw spjegazzjoni dwar x’inhu jiġri imma baqgħu bla risposta. Dawn imbagħad skoprew li s-sistema tal-iscanning ġiet imbagħbsa mingħajr l-apporovazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali jew tal-PN.

Puli qal li dan ifisser li jista’ jkun hemm marki mal-vot li ma jinqrawx mill-apparat. Dan jista’ jwassal għal vot li jiġi identifikat. “Jekk vot jiġi identifikabbli, jista’ jkun hemm potenzjal għal xiri ta’ voti” qal Puli li spejga li dan isir billi xi ħadd jgħid lil votant biex jagħmel xi marka partikolari mal-vot. Fi kliem Puli, kieku ma ndunawx ir-rappreżentanti tal-PN dwar din il-kwistjoni, il-proċess waqt elezzjoni ta’ veru seta’ jiġi mbabas. Żied jgħid li l-fiduċja tal-PN fis-sistema l-ġdida kif inhi bħalissa hija baxxa ħafna.

“Għamilna sottomissjonijiet mal-Kummissjoni Elettorali” – PL

F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li għamel sottomissjonijiet mal-Kummissjoni Elettorali dwar li saru bidliet mingħajr konsultazzjoni, meta nhar is-Sibt kienet qed issir prova tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku. Żied jgħid li konxju li dawn it-testijiet qed isiru biex il-bidla proposta tkun pruvata u titjieb, il-partit ta ċans lill-Kummissjoni biex tieħu hi l-passi meħtieġa biex tassigura li ma jerġax ikun hemm bidliet bla konsultazzjoni.