“Is-sistema ta’ kif noffru l-katekeżi falliet” – L-Isqof Grech

Fit-tnax-il anniversarju mill-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech esprima x-xewqa tiegħu li ssir riforma fis-sistema li biha tiġi offruta l-katekeżi, għax fi kliemu, dik preżenti falliet.
Monsinjur Grech kien qed jiċċelebra quddiesa fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Belt Victoria meta saħaq li “il-mod kif qed nagħmlu l-proposta kateketika mhux adegwat.”
Spjega kif is-sistema preżenti hija “skolastika” fejn id-duttrina qisha kontinwità tal-iskola, li aktar tħejji lit-tfal għas-sagramenti milli tqabbadhom il-mixja tal-fidi.
“Hija sistema li tagħti tagħrif dwar Alla imma ma tqabbadx il-qlub bl-imħabba ta’ Ġesù,” saħaq Monsinjur Grech waqt li semma diversi sinjali li fi kliemu juru biċ-ċar li din is-sistema daħlet fi kriżi.”
“Il-parroċċa saret qisha take away jew dispensing machine
“Il-parroċċa saret qisha take away jew automatic dispensing machine tas-sagramenti,” kompla jgħid l-Isqof Grech. Saħaq kif il-ġenituri qed jiddelegaw lill-parroċċa l-preparazzjoni għas-sagramenti iżda mhux għal fidi.
Kien għalhekk li saħaq li hemm bżonn ta’ bidla fis-sistema tal-katekiżmu għax fi kliemu ma tistax tibqa’ taħdem sistema ta’ soċjetà li kienet kollha Kattolika, “fejn kollox kien jimxi mal-arloġġ tal-kampnar tar-raħal.”
Għaldaqstant ħeġġeġ għal riflessjoni biex jidħlu fis-seħħ dawk ir-rifrormi fil-katekeżi li huma meħtieġa, “jiswewlna kemm jiswewlna.”
Dan mhux għall-ġid tal-futur tal-Knisja biss, saħaq l-Isqof Grech, iżda tas-soċjetà kollha kemm hi.
“Jeħtieġ katekeżi għall-adulti”
Iżda dan mhux biżżejjed. Hemm bidla enormi li għaddejja minnha l-familja, qal Monsinjur Grech u spjega kif is-sistemi ta’ katekeżi preżenti huma maħsuba għal dinja oħra “fejn ftit jew wisq kollox kien kulur wieħed.”
Għalhekk appella biex anke fid-Djoċesi Għawdxija tidħol katekeżi għall-adulti li tindirizza lil dawk li jemmnu, oħrajn li kienu jemmnu u ma għadhomx, oħrajn li jemmnu u ma jipprattikawx il-fidi u saħansitra għal dawk li telqu mill-Knisja jew li lanqas ma huma mgħammda.
“Ngħinu lill-familja tiskopri l-missjoni tagħha bħala Knisja tad-Dar”
 “L-adulti li huma ġenituri għandhom ikunu l-protagonisti li jakkumpanjaw lil uliedhom fil-mixja tal-fidi. Ġenituri katekizzati huma l-katekisti ta’ wliedhom,” insista l-Isqof Grech.
Kien hawn li wera x-xewqa tiegħu li ssir bidla minn katekeżi skolastika għal katekeżi li tinkorpora l-familja “u ngħinuha tiskopri s-sejħa u l-missjoni tagħha bħala “Knisja tad-dar.”
“Intajru minn fuqna ċerta telqa u kompjaċenza”
Appella lis-saċerdoti u l-lajċi biex ixammru l-kmiem għax “jeħtieġ intajru minn fuqna ċerta telqa u kompjaċenza…Ma nibżgħux nirriskjaw,” saħaq Monsinjur Grech.
Temm jgħid li wara tnax-il sena Isqof, qed ikompli jikkonvinċi ruħu li l-missjoni tiegħu hija li jkun Isqof katekista.
“Nemmen li r-riforma fil-katekeżi u l-investiment f’dan il-qasam huma vitali biex ngħinu lill-bniedem ta-lum jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu.”