Is-sistema elettorali għandha tinbidel – AD

Read in English.

Waħda mill-31 proposta tal-Alternattiva Demokratika hi bidla fis-sistema elettorali ta’ Malta. Fi stqarrija l-AD ippubblikat il-proposti li ġew ippreżentati lill-President George Vella lbieraħ bħala parti mill-konsultazzjoni li qed issir dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni.

Delegazzjoni mmexxija miċ-chairman Carmel Cacopardo, il-viċi chairman Mario Mallia, is-segretarju ġenerali Ralph Cassar u membri tal-kumitat eżekuttiv tal-AD Donal Kelly u Mina Tolu żaret lill-President.

Fost diversi tibdiliet fil-Kostituzzjoni mressqa, wieħed isib bidla fis-sistema elettorali, biex fi kliem l-AD din tkun iktar rappreżentattiva tal-voti li jinxteħtu fl-elezzjoni ġenerali.

L-Alternattiva saħqet li din hi bidla kruċjali biex partit żgħir isib postu fil-Parlament. Żiedet tgħid li s-sistema preżenti b’żewġ partiti biss fil-Gvern, ‘kienet il-kawża tal-parti kbira mill-gwaj li l-pajjiż jinsab fih’.

L-AD sostniet li għandu jiġi emendat Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta filwaqt li spjegat l-għaliex wara din il-proposta. Skontha, b’sistema iktar rappreżentattiva jiġi assigurat li kull vot li jinxteħet jissarraf fit-tmexxija tal-pajjiż. Għaldaqstant l-AD issuġġerit li l-għatba raġonevoli biex ikunu mnaqqsa problemi ta’ governabilità.

L-għatba għandha tkun ta’ 2.58% tal-voti validi fl-ewwel għadd tal-voti, skont l-AD. Spjegat li l-persentaġġ huwa ekwivalenti għal tnejn minn 78 kwota mqassmin fuq it-tlettax-il distrett li għalihom tipprovdi s-sistema elettorali ntużata f’Malta.

Suġġerimenti oħra mill-AD jinkludu proposti dwar it-tisħiħ tad-demokrazija parlamentari, il-ħatra u r-responsabbilitajiet tal-President tar-Repubblika, proposti dwar is-servizz pubbliku li jinkludu wkoll kontroll fuq il-ħatriet politiċi jew il-positions of trust, proposti dwar ix-xandir, kif ukoll proposti dwar ir-reliġjon fil-Kostituzzjoni fost oħrajn.

L-AD temmet l-istqarrija tagħha billi pproponiet referendum dwar il-Kostituzzjoni li dwarha jkun hemm qbil.