Aġġornata: Delia jinsisti li s-sistema edukattiva trid tinbidel ta’ taħt fuq

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li s-sistema edukattiva ta’ Malta tinbidel ta’ taħt fuq. Huwa kien qed jitkellem dalgħodu fuq Radio 101.
Il-Kap tal-PN qal li s-sistema edukattiva m’għandiex tibqa’ titqies bħala piż u obbligu fuq l-istudenti, iżda minflok dan għandha tgħallem lil kull student skont l-abilitajiet u t-talenti li tagħraf f’kull wieħed u waħda minnhom.
Dr Delia qabbel il-viżjoni tiegħu għat-tagħlim tat-tfal mat-tagħlim tas-snajja fl-imgħoddi, fejn it-tfal kienu jistudjaw is-sengħa biex jifhmu x’inhu jsir u jagħrfu għalfejn hu bżonnjuż. Qal li l-edukazzjoni hekk biss tista’ titwettaq b’suċċess fil-futur.
Delia qal li għalkemm l-aħbar li l-Gvern irreġistra surplus fl-ewwel xhur tas-sena kienet aħbar tajba għall-ekonomija, dan il-bilanċ pożittiv m’għandux ikun ta’ ġid biss għall-ftit li għandhom il-poter, iżda għall-poplu Malti kollu. 
Huwa spjega li dan jgħodd b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, li lanqas jifilħu jikru propjetà, u n-nies vulnerabbli, bħall-ommijiet waħedihom u l-pensjonanti, li mhumiex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja.
Dr Delia tkellem ukoll favur id-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtar kumitat biex jiskrutinizza ħatriet pubbliċi, iżda sostna li d-deċiżjoni ttieħdet biss wara erba’ snin ta’ ħatriet kontroversjali. 
Madankollu, kompla jgħid li l-PN se jħares ‘il quddiem, u jżomm f’moħħu l-ġenerazzjonijiet tal-futur meta jiddiskuti, jipproponi u jieħu d-deċiżjonijiet. 
Dwar il-proposta tal-PN biex f’pajjiżna jkollna dik li hija magħrufa bħala l-liġi tas-Samaritan it-Tajjeb, Delia spjega li din il-liġi se tkun qed tagħti protezzjoni lil min jgħin lil ħaddieħor meta dan ikun f’diffikultà. Kif inhi l-liġi Maltija bħalissa ma tipproteġix lil dak li jkun meta jrid jgħin, u allura jkun hemm nies li jaħsbuha darbtejn jgħinux lil ħaddieħor minħabba biżà. Issa, b’din il-liġi, skont Delia, min jgħin se jkun protett.
Dr Delia se jinħatar membru parlamentari nhar l-Erbgħa li ġej.
Dikjarazzjoni ta' min hu negattiv u mhux jagħti kas tal-bidliet fis-soċjetà
Il-Partit Laburista ikkritika t-ton negattiv ta’ Dr Delia tul l-intervista, u saħaq li s-surplus qed imur fil-bwiet tal-membri tas-soċjetà Maltija.
Fi stqarrija, il-PL semma li l-bilanċ żejjed intuża fost l-oħrajn biex jitnaqqas il-faqar, tiżdied il-pensjoni, jiżdiedu l-mediċini b’xejn għal pazjenti li jbatu minn mard kroniku, jibnew skejjel u faċilitajiet sportivi ġodda u fit-tnedija tal-iskema tal-first time buyers.