Is-sistema edukattiva Maltija mhix tippjana għall-futur – Kamra tal-Kummerċ

Read in English.

Is-sistema edukattiva ta’ Malta mhix qed tippjana għall-futur, skont il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ.

Il-President tal-Kamra il-Perit David Xuereb qal lil Newsbook.com.mt li sfortunatament is-sistema edukattiva mhix qed tbassar il-futur.

Il-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u ta’ kemm huma preparati l-istudenti għall-isfidi ta’ fuq il-post tax-xogħol kienu element prinċipali fil-kumpilazzjoni tad-dokument “Viżjoni ekonomika għal Malta 2020-2025” tal-Kamra.

“Jekk hemm fattur komuni li qed jinkwieta lill-kontributuri kollha ta’ dan id-dokument huwa eżattament dan,” qal Xuereb.

Il-kwalità u l-produttività jibdew fl-iskola

Id-dokument tal-Kamra jenfasizza l-bżonn li titjieb il-produttività u l-kwalità. Biex dan ikun jista’ jsir, trid tiġi indirizzata l-iskills mismatch.

Fl-2019, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Frederick Schembri qal li huwa stmat li 65% tat-tfal li deħlin fl-edukazzjoni primarja llum fl-aħħar se jispiċċaw f’xogħlijiet u funzjonijiet li bħalissa ma jeżistux. Għalhekk, I-industrija u l-edukazzjoni llum għandhom jippruvaw ibassru kif se jkun jidher il-post tax-xogħol fis-16-il sena li ġejjin.

Id-dokument tal-Kamra esprima tħassib li ċertu oqsma edukattivi ma kinux qed jingħataw biżżejjed appoġġ għax il-perċezzjoni dwarhom kienet li kienu għażliet ta’ falliment.

Edukazzjoni li tħares lejn il-futur

Id-dokument jgħid li s-soċjetà Maltija tħares lejn l-edukazzjoni vokazzjonali bħala triq ta’ ‘falliment’ għal dawk in-nies li ma jkollhomx il-kwalifiċi neċessarji biex ikomplu jistudjaw fuq livell universitarju. Dan bil-kontra tas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti u fil-Ġermanja.

Il-Perit Xuereb jgħid li huwa importanti li ż-żgħażagħ jingħataw ħiliet ġodda. Qal li f’Singapore l-ħiliet tal-kreattività, it-teknoloġija diġitali, u l-quantum physics huma oqsma li huma kkunsidrati bħala important għall-iżvilupp tal-imħuħ żgħar.

Malta qed taqa’ lura fir-riċerka u fl-innovazzjoni – Xuereb

Xuereb qal li Malta qed taqa’ lura fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jemmen li l-komunità tan-negozju trid tibda tidra tinvesti fir-riċerka u fl-innovazzjoni, ċertament aktar milli qed isir bħalissa.

Il-Governanza tajba: Opportunità li ssir kif suppost

Għat-tieni darba f’xahar, il-Kamra tal-Kummerċ ħasset il-ħtieġa li tqajjem il-kwistjoni tal-governanza flimkien mat-tkabbir ekonomiku.

Xuereb iddeskriva l-kriżi politika reċenti li rat ir-riżenja ta’ Prim Ministru popolari bħala żmien “griż jekk mhux iswed” fl-istorja politika Maltija. Id-dokument jgħid li dak li ġara wara li ma ġiex indirizzat sew l-iskandlu tal-Panama Papers sal-eżitu tal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kważi kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta fuq skala globali. Il-Kamra qalet li kiellha viżibilità aktar ċara minn persuni oħra dwar il-ħsara li saret permezz tal-membri tagħha u l-interazzjoni li jkollha ma organizzazzjonijiet barranin tan-negozju.

Id-dokument żied jgħid li jridu jissaħħu t-tliet pilastri tal-governanza tajba: il-kontabilità, it-trasparenza, u r-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt).

Xuereb qal li jkun għalxejn li wieħed jitkellem fuq viżjoni ekonomika bħalissa sakemm wieħed jinduna li l-istrutturi tal-governanza ta’ Malta jridu jilħqu l-ogħla livelli.