“Is-Sirjani f’Malta bl-ebda rabta mat-terroriżmu” – il-Gvern

Il-Gvern Malti qal li nkixef ċirku li permezz tiegħu persuni Sirjani u Somali kienu qed jiddaħħlu illegalment f’Malta b’dokumenti foloz.
Ġie iċċarat li dawn il-persuni ma għandhom ebda rabta mat-terroriżmu, iżda l-abbuż huwa relatat ma’ dokumentazzjoni falza.
Għaldaqstant il-Gvern qal li m’hawn l-ebda theddida ta’ terroriżmu fil-pajjiż.
Dan iċ-ċirku inqabad hekk kif l-awtoritajiet Maltin ‎issospendew ir-regoli ta’ Schengen u dawk Taljani infurzaw il-kontrolli fl-ajruporti.
Intqal kif fi-xhur li għaddew xi Somali u Sirjani kienu qed jivvjaġġaw mill-Italja lejn Malta b’dokumenti foloz.
Jidher li dawn il-persuni kienu qed jiġu Malta biex japplikaw għal status ta’ refuġjati biex isibu xogħol. Jirriżulta li dawn il-persuni jużaw ritratti ta’ persuni fil-gwerra, li jgħidu li jkunu qraba tagħhom sabiex isaħħu l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil.
Il-Gvern qal li mill-bidu tas-sena daħlu Malta madwar 30 persuna li bħalissa qed jiġu rintraċċati.
L-Avukat Ġenerali ntalab jagħti parir dwar l-istatus ta’ dawn il-persuni u x’passi jistgħu jittieħdu fil-konfront tagħhom.
L-istqarrija tal-Gvern ħarġet fid-dawl ta' rapporti li l-Pulizija fl-ajruport ta’ Ciampino fl-Italja arrestaw żewġ Sirjani oħra li riedu jaslu Malta.