Is-Sinodu hu mument ta’ Grazzja

Sessjoni mis-SInodu dwar l-Amazonia li qed isir fil-Vatikan

Is-Sinodu huwa grazzja kbira mill-Ispirtu għall-Amazonia u għall-Knisja kollha kemm hi kemm mill-aspett teoloġiku kif ukoll mil-lat pastorali kif ukoll għall-ħarsien tad-Dar Komuni.

Għandu jitqies ukoll bħala moment ta’ grazzja u opportunità tajba għall-Knisja biex tirrikonċilja mal-Amazonia.

Dan kien il-fil li jgħaqqad ir-rapport mit-tnax il-grupp ta’ ħidma li ħarġu mis-Sinodu fi tmiem il-ġimgħa u li dwarhom saret konferenza tal-aħbarijiet mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan.

Ir-rapporti kollha, li nqraw waqt il-konferenza, jesprimu t-tama li fl-Amazonia tkun żviluppata triq Sinodali u l-Isqfijiet li f’dawn il-jiem qed jiltaqgħu fil-Vatikan jagħtu bidu ġdid b’passjoni missjunarja tipika ta’ Knisja li tħares ‘il quddiem u ‘l hinn minnha.

It-tama hi li t-tajjeb fil-ħajja tal-Amazonia “jiltaqa’ mal-esperjenza tal-Beatitudnijiet” u jilħaq il-milja tiegħu fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  Saru diversi proposti konkreti mill-gruppi differenti, li jinħtieġ ikunu kjarifikati.  Dan mhux Sinodu reġjonali imma Sinodu universali għax dak li jiġri fl-Amazonia jaffettwa lid-dinja kollha.

Tnax il-tema

Il-punti ewlenin Ii ħarġu minn dawn il-gruppi ta’ ħidma huma:

Knisja għall-fqar u kontra kull tip ta’ vjolenza;

It-twaqqif ta’ Osservatorju Ekklesjali Internazzjonali dwar id-drittijiet umani;

Il-bżonn ta’ djalogu ekumeniku akbar;

Il-missjoni tal-Ministri u l-Lajċi u r-rifjut tal-klerikaliżmu;

Is-sehem tan-nisa fil-Knisja li diġa’ qed jagħmlu x-xogħol tad-Djakonat;

Il-kriżi tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u l-possibbiltà li jinħatru dawk imsejjħa “viri probati”;

Il-kriżi vokazzjonali fl-Amazonia u l-formzzjoni tal-qassisin;

Il-ħtieġa ta’ djalogu interkulturali;

Il-missjoni u l-martirju;                                                                   

Kwstjonijiet dwar l-emigrazzjoni u ż-żgħażagħ;

Il-protezzjoni tal-ħolqien u d-dimensjoni ekoloġika; u

Id-dnub ekoloġiku u l-promozzjoni ta’ Ekonomija ta’ solidarjetà

Dawn ir-rapporti ngħataw lis-Segretarjat tas-Sinodu li hu responsabbli li jfassal ir-rapport findali tas-Sinodu li jgħaddi għand il-Papa Franġisku biex japprova jew jibdel u biex eventwlament jittieħdu deċiżjonijiet u jingħataw direttivi li joħorġu minn din il-laqgħa importanti.