Filmat: ‘Is-Sinodu għandu jqanqal l-interess tas-soċjetà biex tissaħħaħ il-famija’ – L-Isqof Mario Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech wera t-tama li s-Sinodu tal-Isqfijiet li sejjaħ il-Papa Franġisku, iqanqal interess fl-istakeholders kollha tas-soċjetà u jittieħdu miżuri favur il-familja. Spjega li l-kriżijiet fil-familja mhumiex biss spiritwali imma wkoll soċjali, u għalhekk hu fl-interess ta’ kulħadd li tissaħħaħ il-familja.
L-Isqof Grech, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, tkellem mal-ġurnalisti fl-ajruport qabel ħalla Malta biex jattendi għall-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bit-tema ‘L-Isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni', li tibda nhar il-Ħadd li ġej u tintemm fit-19 t’Ottubru.
L-Isqof Grech spjega li b’dan is-Sinodu, il-Knisja qed tgħid lill-familja biex quddiem l-isfidi kollha, issib il-qawwa fiha nnifisha, ma taqtax qalbha u timtela' bit-tama ħalli tnissel it-tama.
Qal li anke meta llum hemm min jibża’ jidħol għall-ħajja taż-żwieġ, il-Knisja qed tistqarr li għadha temmen fiċ-ċentralità tal-familja fi ħdanha: il-post fejn tinbena il-persuna, it-triq għar-relazzjonijiet iktar b’saħħithom u għas-suċċess għas-soċjetà.
Mistoqsi dwar forom differenti tal-familja, l-Isqof Grech wieġeb li l-Knisja hija inklussiva u ‘kull realtà trid tkun għall-attenzjoni pastorali tagħna’.
Esprima tħassib li d-diskussjoni f’Malta dwar il-familja qed tiġi ristretta ħafna għal min jinsab f’sitwazzjoni ta’ firda fil-familja u jekk jistax jirċievi s-sagramenti. L-Isqof Grech spjega li minbarra s-separazzjonijiet u d-divorzju, hawn firdiet oħrajn, fosthom minħabba ġlied fil-familja u wirt, u għalhekk il-Knisja trid tara kif se twassal il-Vanġelu tal-Imħabba. Qal li ħafna familji mgħattnin minħabba self, id-djun u l-użura, nuqqas ta’ xogħol jew edukazzjoni.
Semma li tul is-sitt ġimgħat li għaddew iltaqa’ u sema' mingħand gruppi differenti dwar il-familja Maltija. Saret laqgħa ma’ grupp ta’ lajċi, li fi kliem l-Isqof ‘mhux bilfors ikunu fl-ewwel bank tal-Knisja’. Laqgħat oħra saru mal-Fakultà tat-Teoloġija u l-lecturers tas-Seminarju, il-Kummissjoni Teoloġika, mal-Kappillani u mas-superjuri tal-istituti reliġjużi. Spjega li saru ħafna interventi tajbin u ppropona li dawn isiru bil-miktub biex issa se jippreżenta dokument komplut lis-segreterija tas-Sinodu.
Dan is-Sinodu dwar il-Familja huwa l-ewwel wieħed tal-Papa Franġisku li fih se jieħdu sehem fost l-oħrajn 114-il Konferenza Episkopali u 14-il koppja miżżewġa. Mistennija jitressqu proposti għat-tisħiħ tal-familja u fit-tmiem jinħareġ dokument. Il-Papa se jkun preżenti tul il-laqgħat ewlenin kollha. L-Isqof Grech ukoll mistenni jagħmel l-intervent tiegħu waqt is-Sinodu.

Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja