Is-Sinodu dwar l-Amażonja mhux referendum dwar iċ-ċelibat

Il-Kardinal Sean O'Malley jasal għal sessjoni tas-Sinodu ma' saċerdot ieħor

Is-Sinodu dwar l-Amażonja mhux referendum dwar iċ-ċelibat, imma qed ifittex mod kif se nwasslu l-ħajja sagramentali u l-formazzjoni tal-popli li jgħixu fir-reġjun. Dan qalu l-Kardinal Sean O’Malley ta’ Boston li hu wieħed minn dawk li qed jieħdu sehem.

“Billi waħda mit-temi diskussi hi n-nuqqas kbir ta’ saċerdoti fl-Amażonja, ippruvajt nenfasizza li jekk irridu li jkollna s-saċerdoti hemm, irridu nagħmlu sagrifiċċji biex ikollna nies li jistgħu jħajjru għall-vokazzjonijiet u jakkumpanjaw u jħarrġu lis-seminaristi fl-ambjent tagħhom ubil-lingwa tagħhom”, qal il-Kardinal lill-parteċipanti fis-Sinodu.

“Waħda mill-affarijiet li qal il-Papa fil-kummenti tiegħu kienet biex inħarsu lejn il-vjolenza fir-reġjun. Mhux biss il-vjolenza li naraw fl-istampi ta’ dawk li nqatlu, imma rridu nifhmu wkoll il-vjolenza  fuq il-foresti nfushom u l-effetti li dan qed ikollu fuq il-poplu”.

Nuqqas ta’ saċerdoti

In-National Catholic Reporter qalet li suġġett ieħor diskuss ħafna hu dak tan-nuqqas ta’ saċerdoti.

Il-Kardinal O’Malley kien rappurtat li qal li “mara indiġena mill-Guyana li ħadet sehem fi grupp ta’ diskussjoni li fih kont jien ukoll, qaltilna li hemm xi villaġġi fejn il-qassis imur biss darba fis-sena. Qalet li għandhom lajċi li jgħammdu, jippresiedi fi żwiġijiet u jqarbnu. Hi stess kienet mgħammda minn lajk, fir-raħal tagħha”.

“Kwestjoni li rridu naraw hi l-iskarsezza ta’ ministri ordnati fir-reġjun u l-bżonn kbir li nipprovdu ħajja sagramentali lin-nies u li niffurmawhom. Minkejja l-impressjoni li qed tingħata fil-media, is-Sinodu mhux xi tip ta’ referendum dwar iċ-ċelibat”, sostna l-Kardinal.

Seminarju speċjali

O’Malley qal lill-parteċipanti fis-Sinodu li biex inħajru vokazzjonijiet saċerdotali fir-reġjun tal-Amażonja, iridu jsiru “sagrifiċċji” fil-forma ta’ nies u riżorsi dedikati biex jakkumpanjaw u jħarrġu seminaristi fil-post.

Hu qal li seminarju speċjali għal studenti indiġeni li kien żar fil-Guatemala, kellu jagħlaq għax “ma kellux riżorsi tant li l-familji tas-Seminaristi kellhom iwasslulhom l-ikel huma”. Is-seminarju kellu jagħlaq minkejja li kellu għadd kbir ta’ seminaristi.

“Kont dispjaċut ħafna għax is-seminaristi indiġeni li ltqajt magħhom fis-seminarji maġġuri tal-Guatemala, kien qishom ħut barra mill-ilma.  Fis-seminarju ta’ Verapaz rajt opportunità fejn jitħarrġu saċerdoti indiġeni fil-lingwa tagħhom u fil-kuntest kulturali li jgħixu fih.  Għalhekk kont imdejjaq meta s-Seminarju kellu jagħlq għax naf li dawk is-seminaristi qatt ma huma se jkunu jistgħu jattendu f’seminarju differenti.