Is-Sinjura tal-Baħar jerġa’ jixxandar

Illum fuq TVM fit-2.45pm, TVM se jerġa’ jxandar il-produzzjoni Is-Sinjura tal-Baħar li kienet ixxandret oriġinarjament fl-1995. Illum se jkunu qed jixxandru ż-żewġ taqsimiet eżatt wara xulxin.

Is-Sinjura tal-Baħar inkiteb minn Henrik Ibsen fl-1888 u nqaleb għall-Malti minn Alfred Mallia, li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Din hi produzzjoni tad-Drama Unit Theatre Programme, bi produzzjoni eżekuttiva ta’ Ġorġ Peresso u direzzjoni artistika ta’ Josette Ciappara.

L-istorja tlaqqagħna ma’ Elida, mara żagħżugħa li żżewġet tabib armel ikbar minnha fl-età. Dan ikollu żewġ subien ikbar minnha u b’hekk hi ssibha diffiċli li ssir parti mill-familja. Min-naħa tagħhom it-tabib u wliedu jagġmlu minn kollox biex ma jgħabbuhiex bix-xogħol u l-problemi tagħhom.

Iżda l-mara tibda tiffaċċja problemi oħra. Mara li għexet ħajjitha fit-torri tal-fanal fuq il-baħar u issa ssib ruħha ‘l bogħod minnu. tibda tħossha fgata bil-kobor tal-muntanji li jdawruha u bin-nuqqas ta’ ħbieb.

Din in-nostalġija twassalha biex treġġa’ lura tifkiriet ta’ xbubitha.

Il-wasla ta’ ħabib tal-familja tqanqal tifkiriet li jħawduha u li jġegħluha tiddubita x’effett kellu l-baħar fuq ħajjitha.

Jieħdu sehem Rachel Portelli, Joe Cortis, Chris Gruppetta, Shirley Blake, Carmensita Galea, Daniel Mercieca, Joe Cini u Saviour Coleiro.