Is-Sinjal tas-Salib hu l-arma tagħna

Il-Papa Franġisku qal li meta nagħmlu s-Sinjal tas-Salib inkunu qed nimmarkaw lilna nfusna bħala nsara u dan għandna nagħmluh spiss biex niftakru li aħna ta’ Alla.
Is-Salib hu l-arma tagħna li juri min aħna: kif nitkellmu, kif naħsbu, kif inħarsu, kif naħdmu, kollox taħt is-sinjal tas-Salib, jiġifieri fl-imħabba t’Alla sal-aħħar.
Inroddu s-salib malli nqumu, qabel nieklu, qabel ma nkunu se naffrontaw xi periklu potenzjali, biex niddefendu ruħna mill-ħażin, bil-lejl qabel norqdu, inkunu qed ngħidu lilna nfusna u lill-oħrajn lil min nappartjenu u dak li rridu nkunu.
Il-Papa tkellem dwar is-Sinjal tas-Salib waqt l-udjenza ta’ nhar t’Erbgħa. Waqt li għamel riflessjoni fuq is-Sagrament tal-Magħmudija, issuġġerixxa li fid-dar għandna nżommu ftit ilma mbierek biex kull darba li noħorġu jew nidħlu nagħmlu s-Sinjal tas-Salib bl-ilma mbierek u niftakru li aħna mgħammda.
“Dak li jiġri fil-magħmudija iqajjem fina spirtu dinamiku li jgħaddi tul il-ħajja kollha tal-imgħammed; hu l-bidu ta’ proċess li jippermetti li wieħed jgħix f’għaqda ma’ Kristu fil-Knisja”, qal Papa Franġisku.
Huwa spjega li jkun tajjeb għalina jekk nifhmu aħjar id-don li rċivejna fil-ġurnata tal-magħmudija biex inġeddu l-impenn tagħna li fiċ-ċirkostanzi li nsibu ruħna fihom kuljum niftakru f’dan ir-rigal.
Hawnhekk il-Papa spjega ir-rit tal-Magħmudija li jibda bil-merħba meta sl-saċerdot jistaqsi x’isem se jingħata lit-tarbija. Dan bħal meta niltaqgħu ma’ xi ħadd għall-ewwel darba u nintroduċu lilna nfusna biex ma nibqgħux anonimi.
“Alla jsejjaħ lil kull wieħed minnha b’isimna, iħobbna individwalment u fil-magħmudija nużaw l-isem tal-individwu għax is-sejħa t’Alla hi personali u mhux sitwazzjoni ta’ “copy and paste”.
L-isem għalhekk hu importanti. Il-Papa appella lill-ġenituri biex l-ismijiet ta’ uliedhom jagħżluhom bil-għaqal anke qabel it-tarbija titwieled.
Il-Papa saħaq fuq l-importanza li s-Sinjal tas-Salib anke fir-rit tal-magħmudija meta l-ġenituri u l-parrini jesprimi x-xewqa tagħhom li t-tarbija titgħammed billi jagħmlu s-Sinjal tas-Salib fuq moħħ it-tarbija.
Is-Sinjal tas-Salib hu s-siġill ta’ Kristu fuq min se jsir tiegħu u juri l-grazzja tar-redenzjoni li kisbilna Kristu permezz tas-salib tiegħu, kif jingħad fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.