Is-Sindku tas-Swieqi jixtieq aktar Pulizija fl-Għassa

Hekk kif fil-jiem li ġejjin, l-Għassa l-ġdida tas-Swieqi se tagħlaq tliet xhur miftuħa, residenti f’din il-lokalità qed isostnu fil-midja soċjali li mhix qed tkun miftuħa biżżejjed.
Kien hemm min qal li “taparsi għandna Għassa”.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat fejn stqarr li ma jaħsibx li huwa każ.
Qal l-problema tal-għassa fil-preżent hija li m’hemmx biżżejjed Pulizija stazzjonati.
Irrimarka li biex ikun hawn Pulizija f’kull għassa, il-Gvern iddeċieda li jerġa’ jingaġġa Pulizija rtirati.
Jirriżulta li f’każi meta jidħol rapport fl-Għassa tas-Swieqi, ikollha tingħalaq sabiex il-Pulizija jkunu jistgħu imorru fuq il-post.
Il-Gvern preċedenti kien beda l-bini taċ-Ċentru Ċiviku ġdid fis-Swieqi u l-post għall-Għassa kien allokat fl-istess żvilupp.
Waqt il-kampanja elettorali, l-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed li tissaħħaħ il-ħidma biex ikun hemm iżjed sigurtà fis-Swieqi.
Wara rapporti konsistenti ta’ ħsarat fuq vetturi u propjetà tar-residenti, il-Kunsill Lokali żied il-pressjoni biex din l-għassa tinfetaħ.
Is-Sindku qal li l-Kunsill kien ilu s-snin jistaqsi għall-għassa, sakemm din fetħet fit-28 ta’ April li għadda.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Għassa tas-Swieqi qed tirċievi mat-tmin rapporti relatati ma’ serq kuljum.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku Noel Muscat qal li jinsab sodisfatt bl-andament bħalissa iżda jrid li s-servizz jissaħħaħ u jitjieb.
Saħaq li l-minħabba r-riżorsi u l-fondi dawn l-aħħarijiet jieħdu ż-żmien, iżda l-Kunsill se jkompli jagħmel pressjoni biex fl-għassa jkun hemm iżjed Pulizija.
Qal li wara l-laqgħa li saret mal-Ministru għall-Intern Manuel Mallia fil-jiem li għaddew, il-Pulizija f’din l-Għassa se jingħataw karozza għall-użu fil-lokalità.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt bagħtet sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija dwar il-ħidma f’din l-Għassa iżda mistoqsijiet dwar kemm waslu rapporti u liema kienu l-aktar każi rrappurtati f’din l-għassa baqgħu mhux imwieġba.
Il-Pulizija kkonfermaw li kemm ilha miftuħa l-Għassa tas-Swieqi naqas il-piż fuq l-Għassa ta’ San Ġiljan, liema Għassa fil-passat kienet responsabbli mis-Swieqi wkoll.