Is-Sindku tal-Qala investigat fuq direct orders lil qrabatu

Read in English.

Il-Bord tal-Governanza Lokali ntalab jinvestiga lis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg għal għadd ta’ direct orders, li jiswew inqas minn €4,000, maħruġin mill-Kunsill Lokali lill-membri tal-familja tiegħu kemm ilu sindku hu.

Newsbook.com.mt ra ittra li fiha, Christopher Galea, id-Direttur tad-Dipartiment tad-Diviżjoni ta’ Moniteraġġ u Sapport tal-Gvern Lokali, talab liċ-Chairperson tal-Bord biex jinvestiga lil Buttigieg fuq allegazzjonijiet li kiser l-Att tal-Kunsilli Lokali.

Artikolu 19 ta’ dan l-att jgħid li l-kunsilliera għandhom jiddikjaraw xi interess li jaf ikollhom, dirett jew indirett, f’kuntratt jew kuntratt propost jew f’xi kwistjoni oħra, u m’għandhomx jipparteċipaw fil-kunsiderazzjoni jew fid-diskussjoni ta’ dan il-kuntratt.

Ksur ta’ dan l-artikolu jitqies bħala reat kriminali. Dawk li jinstabu ħatja ta’ dan jistgħu jintbagħtu sa sena ħabs u jeħlu multa ta’ massimu ta’ €2,329.37 jew ta’ nofs il-valur tal-kuntratt. Ikunu skwalifikati milli jagħmlu parti minn kunsill lokali għal ħames snin.

“Il-ġlieda kontrija qed tiħrax” – Is-Sindku

Is-Sindku Paul Buttigieg għażel li ma jagħtix kumment lil din il-kamra tal-aħbarijiet, fuq parir legali li ngħata.

Madankollu, meta t-Times of Malta rrappurtat fuq id-direct orders f’Awwissu li għadda, is-Sindku kien qal li dan kien attentat biex hu jiġi skreditat minħabba li jopponi diversi proġetti kontroversjali ta’ żvilupp fil-Qala.

Fuq Facebook illum kiteb illi, “Issa ma jridunix iżjed, la Sindku u lanqas Kunsillier. Dan kollu kontra x-xewqa u r-rieda tagħkom li vvutajtuli bi ħġarkom. U tafu dan kollu għal xiex.”

Bongu hbieb. Mid-dehra il-glieda kontrija qed tihrax sew. Issa ma jridunix izjed la Sindku u lanqas Kunsillier. Dan…

Posted by Paul Buttigieg on Sunday, November 15, 2020

Is-Sindku, li kien kandidat f’isem il-Partit Laburista, ta’ sikwit isemma’ leħnu fuq żviluppi kontroversjali fil-Qala, pereżempju fuq l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Huwa oppona wkoll il-kostruzzjoni ta’ blokka ta’ 165 appartament, proġett tal-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli. Proġett ieħor ta’ Portelli li oppona kien dak li jibdel kamra mitluqa f’Ta’ Muxi f’farmhouse b’pixxina.

Direct orders għal oħtu u bintu

It-Times kien irrapporta li minn meta Buttigieg laħaq Sindku fl-2017, kienu nħarġu €3,951 f’direct orders lil membri tal-familja tiegħu. Il-maġġoranza ta’ dawn marru għall-kumpanija A&M Printing, li hi tal-familja ta’ oħt Buttigieg, u ammont iżgħar mar għas-sopran Patricia Buttigieg, bint is-Sindku, f’attivitajiet organizzati mill-kunsill.

B’reazzjoni għall-istorja tat-Times, Buttigieg kien qal li A&M Printing hi l-unika kumpanija li tipprovdi s-servizzi ta’ stampar fil-Qala, u li l-istess kumpanija kienet irċeviet direct orders mingħand il-predeċessuri tiegħu, inkluż il-Ministru kurrenti għal Għawdex, Clint Camilleri.

Żied jgħid li d-direct orders mogħtija lil bintu ġeneralment koprew spejjeż, u li ħafna minn xogħolha tul is-snin għamlitu fuq bażi volontarja. Qal ukoll li l-kollaborazzjoni tagħha mal-Kunsill Lokali bdiet qabel laħaq Sindku hu.

Is-Sindku ma ddikjarax li kellu interess fil-laqgħat

Fl-ittra tiegħu, Galea kkwota lis-Segretarja Eżekuttiva tal-Kunsill Lokali tal-Qala Marcia Borg, li qalet li s-Sindku qatt ma ddikjara li kellu xi interess finanzjarju. Dan imur kontra l-Att tal-Kunsilli Lokali. Borg issottomettiet lista tad-direct orders relevanti, u tal-minuti li ttieħdu fil-laqgħat, li fihom ġew diskussi d-direct orders.

Galea spjega li l-minuti tal-laqgħat ikkonfermaw li Buttigieg qatt ma ddikjara li kellu interess. B’hekk, Galea kkonkluda li l-kwistjoni trid tiġi investigata mill-Bord tal-Governanza Lokali.

Min-naħa tiegħu, Buttigieg qal lill-Bord tal-Governanza, bħalma qal meta ġiet ippubblikata l-istorja tat-Times, li d-direct orders lil oħtu u bintu kienu jingħataw qabel ma sar Sindku hu.

Filwaqt li Newsbook.com.mt ikkonferma li Buttigieg kien preżenti għal-laqgħat imsemmijin, jidher li r-rabtiet familjari ta’ Buttigieg ma kinux sigriet għall-membri l-oħra tal-kunsill. Dawn kienu jafu li l-persuni msemmija jiġu mis-Sindku.

L-allegazzjonijiet jgħidu wkoll li Buttigieg ibbenefika direttament mill-istudjow tiegħu ta’ mastrudaxxa, li kien involut fir-rinovar tal-uffiċċju tal-Kunsill. Madankollu, is-Sindku qal li dal-każ imur lura għall-2009, qabel ma laħaq Sindku.