Is-Sindku ta’ Sirakuża jikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern Malti

L-Awtoritajiet Taljani bdew jilqgħu l-applikazzjonijiet għall-ażil tal-immigranti irregolari mis-Sudan u l-Eritrea li kienu abbord it-tanker MV Salamis li lbieraħ wara nofsinhar wasal fil-port ta’ Sirakuża.

It-tanker daħal Sqallija wara li l-Gvern Malti ma awtorizzax lill-Kaptan Grieg biex jidħol Malta.

Is-Sindku ta’ Sirakuża, Giancarlo Garozzo kien ferm kritiku tal-Gvern Malti u sostna li filwaqt li l-Italja wkoll qed tesperjenza influss qawwi f’wasliet tal-immigranti irregolari, l-Italja mhix se toqgħod lura milli tgħin lill-persuni fil-bżonn.

Garozzo qal li mill-bidu tas-sena sal-lum offrew l-għajnuna lil aktar minn 4,000 immigrant. Huwa saħaq li din il-kriżi mhix biss tal-Italja imma tal-Ewropa kollha.  

Il-gazzetta La Padania mill-banda l-oħra kkritikat lill-Prim Ministru Taljan Enrico Letta li aċċetta l-immigranti irregolari tal-MV Salamis.

Il-gazzetta tal-partit estremist Lega Nord qalet li l-Prim Ministru Taljan baxxa rasu għall-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju Cecilia Malmstrom.

Wara li l-Italja aċċettat l-immigranti tas-Salamis, l-Uffiċċju tas-Salib l-Aħmar f’Sirakuża ħejja tinda fejn kien hemm ukoll numru ta’ tobba u membri mill-Guardia di Finanza u l-Pulizija.

Abbord l-MV Salamis kien hemm 81 raġel, 20 mara li 4 minnhom qed jistennew tarbija u tarbija ta’ ħames xhur.  

 

Ritratti: Guardia di Finanza