“Is-Sindku ta’ San Ġiljan qed jigdeb” – Fortina fuq l-iżvilupp fil-Balluta

Google

Read in English.

Il-kumpanija Fortina Investments ikkundannat dak li qal s-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg meta dan qal li hemm suspett li hemm negozjati għaddejjin minn wara l-kwinti fl-iżvilupp tal-Balluta. Il-kumpanija sejħet din l-allegazzjoni gidba.

Fi stqarrija, Fortina qalet li jaf tieħu passi kontra l-kummenti “defamatorji” li saru fil-konfront tagħha. Sejħulha inaċċettabbli li jiġu akkużati b’korruzzjoni.

Iddikjaraw bħala gidba li l-pontun se jintuża esklussivament mill-Captain Morgan, li se jkun qrib żona għall-għawm, li se jintrema ħmieġ mid-dgħajjes fiż-żona, u li l-kumpanija beħsiebha tarma booths fuq il-bankina tal-promenade f’San Ġiljan. L-agħar gidba, skont il-kumpanija, hija li qiegħda tinnegozja ftehim bil-moħbi.

Fortina spjegat li applikat għal pontun fejn jidħlu d-dgħajjes temporanjament mal-kumpless tal-waterpolo ta’ San Ġiljan ASC. Qalet li dan mhux se jkun esklussivament għall-użu tagħha u m’għandux x’jaqsam ma’ dawn permanenti li hemm max-xatt tal-Gżira u Tas-Sliema. Żiedet tgħid li mhuwiex viċin tal-bajja tal-Balluta, u b’hekk mhux se jaffettwa lill-għawwiema. Id-dgħajjes użati minn Fortina Investments għandhom ikunu dgħajjes eco-friendly ġodda, konformi mal-istandards ambjentali u tal-emissjonijiet.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-proposta tal-Fortina toffri mezz alternattiv u innovattiv għat-turisti u għall-Maltin.