Awdjo: Is-Sindku ta’ B’Buġa mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni lokali

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Joseph Farrugia ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni lokali li jmiss.
Dan tħabbar waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK, bil-mistieden ikun il-Konsulent fis-Segretarjat għall-Gvern Lokali, Michael Cohen.
Fl-intervent tiegħu, Farrugia qal li wasal għal din id-deċiżjoni minħabba l-problemi ta’ fondi li hemm fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Qal li meta l-fondi jonqsu u l-ispejjeż jiżdiedu huwa diffiċli li ma jsirx dejn.
Sostna li biex ma jsirx dejn, il-Kunsill irid ma jagħmel xejn.
Stqarr li s-Sindku u l-Kunsilliera li se jiġu eletti fl-elezzjoni lokali li jmiss jridu jaraw kif se jsolvu din il-problema.
Sostna li l-ispejjeż tal-Kunsill Lokali żdiedu bil-bosta sa seba’ darbiet aktar, bl-Awditur Ġenerali jipponta subgħajh lejn l-ispiża.
Joseph Farrugia ilu jiġi elett f’Birżebbuġa f’isem il-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 21 sena.