Is-sikurezza ta’ Efimova diskussa mal-Ambaxxata Griega

Rappreżentanti min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili ltaqgħu mal-Ambaxxatur Grieg għal Malta, Chryssoula Karykopolou-Vlavianou sabiex jiddiskutu s-sikurezza tal-whistleblower Russa, Maria Efimova.
Efimova, li kienet sors importanti għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fl-investigazzjonijiet tagħha dwar ħasil ta’ flus mill-Bank Pilatus, rebħet l-appell u għaldaqstant mhux se tintbagħat Malta. Dan wara li l-Gvern Malti ħareġ mandat għall-estradizzjoni tagħha lejn Malta.
Waqt il-laqgħa, Michael Birguglio u Karl Camilleri appellaw lill-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsiparas biex jiżgura s-sigurtà ta’ Efimova. Huma sostnew li ħajjitha taf tkun fil-periklu jekk tintbagħat lura Malta.
In-Netwerk żied li għandu fiduċja fl-istat tad-dritt tal-Greċja u kif din qed tifhem is-sitwazzjoni.
Efimova mhux se tiġi estradita
Fit-18 t’April, Efimova rebħet l-appell dwar l-estradizzjoni tagħha lejn Malta.
Is-sentenza tal-appell tikkonferma dik ta’ qabel, tat-12 ta’ April, li Efimova ma tiġix estradita lejn Malta u anke l-ħelsien tagħha mill-ħabs fil-Greċja.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Efimova kienet spjegat kif minkejja li għandha l-provi, meta kienet Malta qatt ma ngħatat l-opportunità li tippreżentaha u għaldaqstant ħasset li hemm bżonn titlaq mill-pajjiż biex tipproteġi lil familtha.
F’April tas-sena li għaddiet, Maria Efimova kienet għaddiet dokumenti lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li allegatament juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Hi kienet qalet li sabet id-dokumenti f’sejf fil-kċina tal-Bank Pilatus. Kemm-il Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.