“Is-sigurtà tagħna trid tiġi l-ewwel” – Destiny

Ritratt: Facebook/DestinyChukunyere

F’messaġġ fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Destiny Chukunyere li kellha tirrappreżenta lil Malta fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju, ikkummentat li waslitilha l-aħbar li l-Eurovision Song Contest għal din is-sena ġie kkanċellat. Hija kellha tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta All of my Love.

Kif hu mistenni, hija qalet li tinsab b’qalbha maqsuma b’dak li ġara u qed tistenna li jkollha idea aktar ċara dwar dak li se jiġri ‘l quddiem saħqet li s-siguratà tagħna trid tiġi l-ewwel, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida u inċertezzi.

“Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, grazzi lit-tim kollu tiegħi. Din is-sena diġà kienet esperjenza daqstant kbira u se nkun dejjem grata għall-ħidma kollha li għamiltu f’dan il-vjaġġ mill-isbaħ. Ebda kliem ma tista’ tirringrazzjakom biżżejjed,” kitbet hi.

Hija temmet il-messaġġ tagħha li l-ħsieb tagħha jinsab ukoll f’dawk id-dilettanti l-kbar tal-Eurovision.

Skont stqarrija tal-EBU li nħarġet aktar kmieni llum, huma jinsabu f’taħdidiet biex l-65 edizzjoni tal-Eurovision jsir f’Mejju 2021.