Is-sigriet ta’ x’jagħmel burger perfetta!

Ma tagħmilx differenza liema burger togħġbok, xorta jibqa’ l-fatt li l-laħam bnin, il-ġobna mielħa, l-pannina bil-ġunġliel u l-werqa ħass tqameċ, jinżlulek għasel flimkien.

Il-laħam, bla dubju huwa l-qofol ta’ kollox. Jekk se timxi mar-riċetta klassika Amerikana, uża l-kapuljat taċ-ċanga u fformah qisu pulpetta u sajjarha. Żid il-bżar u l-melħ wara li ssajjarha biex ma tiġikx xotta. Ovjament tista’ tuża ingredjenti differenti minflok iċ-ċanga.

L-għażla tal-ġobon f’idek! Ġobon bħall-brie se jżidlek fil-kremożità tal-burger, u xi ngħidu għal xi ġbejna bajda friska?!

Aktar ma jkollok il-pannina sempliċi aktar aħjar. Jekk ikollha xi togħma miżjuda, jaf tisraqlek it-togħma tal-burger. Għalhekk l-aħjar tuża l-pannina klassika bil-ġunġliel fuqha.

Biex tikkumplimenta l-laħam, tista’ forsi żżid xi ftit basal imma ipprova evita li tuża t-tadam għax jaf il-pannina tiġi wisq immerqa. Madankollu xorta waħda hemm min iħobb iżid xi bajda moqlija u xi biċċtejn bejken.

Fl-aħħar, poġġi l-ingredjenti kollha fuq xulxin, ħu gidma, u għidli x’int tiekol!