​Is-sigriet biex it-tfal jieklu iktar ħaxix

Bis-saħħa tax-xjenza, issa hemm mod ippruvat u sempliċi kif tħajjar it-tfal jieklu iktar ħaxix frisk.
Studju ġdid mill-Awstralja juri li t-tfal jieklu l-ħaxix mingħajr problemi, imma jiddependi mill-mod kif dan jiġi ppreżentat quddiemhom.
Ix-xjentisti miċ-Ċentru għax-xjenza avvanzata dwar is-sensi fl-università ta’ Deakin analizzaw it-teorija ma’ grupp ta’ 72 tifel u tifla minn skejjel primarji.
Kull tifel u tifla ngħataw nofs kilo karrotti mqaxxra f’ġurnata waħda u l-istess ammont ta’ karrotti mqatta’ biċċiet żgħar fil-ġurnata ta’ wara, b’ċans ta’ għaxar minuti biex jieklu kemm jistgħu minnhom.
Il-ħaxix sħiħ hu iktar popolari
Il-karrotti servuti sħaħ irriżultaw l-iktar popolari, bit-tfal jagħżlu li jieklu l-karrotta sħiħa għal ħin itwal.
Bħala medja, kielu madwar 10% aktar karrotti, bħala piż, milli meta ngħataw il-karroti mqatta’ kaxxi.
Ir-riċerka għalhekk turi li l-aktar mod sempliċi biex tħajjar it-tfal jiekluh, hu billi sservi l-ħaxix sħiħ.
Dan ir-riżultat jibni fuq studji oħra li wrew li iktar ma jkollok fil-platt, iktar tkun trid tiekol.
Dan il-metodu tista’ tużah bil-kontra
Ix-xjentisti qed jgħidu li dan il-metodu tista’ tużah bil-kontra, għal ikel li mhux tajjeb għas-saħħa.
Jissuġġerixxi li tqatta’ blokka ċikkulata f’biċċiet iżgħar u b’hekk tnaqqas il-konsum taċ-ċikkulata.
Minbarra l-benefiċċji ovvji għas-saħħa biex tassigura li t-tfal qed jieklu affarijiet aħjar għas-saħħa, riċerka li saret qabel turi li t-tfal li jieklu l-ħaxix mal-ikla ta’ filgħaxija, hemm ċans li jmorru aħjar l-iskola, il-ġurnata ta’ wara.
L-esperti jgħidu li t-tfal jikkuppjaw lill-kbar u għandhom bżonn jaraw lill-ġenituri tagħhom jieklu ikel tajjeb għas-saħħa b’mod regolari, biex huma wkoll jitħajru jagħmlu l-istess.