Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Read in English.

L-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut qal li s-siġġu parlamentari ta’ Għawdex mhux biss insteraq minn Għawdex imma li nsteraq b’qerq.

Sammut, li rreżenja lbieraħ, qal dan fuq Facebook b’reazzjoni għall-aħbar li l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-PN talab lill-Kap tal-PN Adrian Delia biex iħassar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-bieraħ.

F’reazzjoni, Jean Pierre Debono qal li l-persuna li qed tqarraq hija Mark Anthony Sammut u li hu ma kellux x’jaqsam mal-listi.

Lanqas laħqet ħarġet l-ittra tal-Kumitat Reġjonali tal-PN ta’ Għawdex lit-tmexxija tal-partit li ma komplietx tikber il-kontroversja. Sorsi qrib il-PN qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx biss David Stellini li vvota mingħajr ma kellu d-dritt jagħmel dan, imma anke David Camilleri, it-teżorier tal-PN.

Sammut qal li meta kien President tal-Eżekuttiv ma kellux aċċess dirett għad-data u għall-attendenza tal-membri. Qal li din kienet ir-responsabbilità esklussiva ta’ Jean Pierre Debono. Spjega li ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-laqgħa l-Ħamis li għadda u li ngħata lista tal-votanti eliġibbli eżatt qabel infetħet il-votazzjoni.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li huwa l-president li huwa dak li suppost isejjaħ il-laqgħa.

Sammut qal li wara l-laqgħa nġibditlu l-attenzjoni li seta’ kien hemm min ivvota mingħajr ma kellu d-dritt jagħmel dan. Spjega li għamel analiżi u sab li David Stellini u David Camilleri, it-teżorier, mhux suppost kellhom vot.

Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Skont Sammut, isem Camilleri tniżżel fil-lista minn “persuna waħda” li kellha kunflitt ċar ta’ interess.

“Ir-riżultat tal-votazzjoni huwa għalhekk ivvizjat,” ikkonkluda Sammut.

Fi kliem Sammut, dan kollu jikkonferma li għamel id-deċiżjoni t-tajba meta rreżenja. Appella biex “l-uffiċjali” jirreżenjaw.

Il-post ta’ Sammut:

Facebook

Jean Pierre Debono jirreaġixxi

Fuq Facebook, Debono qal li kien Sammut li qed iqarraq. Qal li Sammut kien responsabbli ta’ min ikun fil-listi tal-vot. Fi kliem Debono, hu ma kellux x’jaqsam mal-listi u li l-lista Sammut ma ħadhiex mingħandu.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Uffiċċju tal-Ispeaker irċieva komunikazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li titlob li l-mozzjoni għall-co-option ta’ Jean Pierre Debono li kellha titressaq għada fid-9 am tiġi posposta.