Is-Siġġiwin ikomplu jiddiskutu l-irziezet, il-Qrendin qatt ma ġew ikkonsultati

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkompli jiddiskuti l-permess li l-MEPA approvat sabiex jinbnew 12-il razzett fl-inħawi magħrufa bħala ta’ San Niklaw.
Dan l-iżvilupp jinsab fil-limiti tas-Siġġiewi u għalhekk ma jolqotx biss din il-lokalità imma wkoll il-Qrendi.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tal-Qrendi, David Schembri fejn qal li l-Kunsill Lokali se jkun qed jiddiskuti din il-kwistjoni fit-23 ta’ Lulju li ġej.
Għalkemm l-applikazzjoni għall-irziezet ilha li ġiet imressqa dawn l-aħħar 6 snin, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi qatt ma ġie kkonsultat.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Qrendi qal li matul din il-laqgħa tal-Kunsill se ssir diskussjoni kif il-lokalità se tiġi affetwata b’dan l-iżvilupp.
Il-MEPA approvat il-proġett fl-10 ta’ Lulju li għadda, bi 11-il vot favur u wieħed kontra.
L-irziezet se jkunu mifruxa fuq 70,000 metru kwadru ta’ art.
Is-Siġġiwin mhux jaqblu ma dan l-iżvilupp u saru wkoll suġġerimenti biex isiru l-protesti jew jinġabru l-firem f’petizzjoni biex titressaq għall-attenzjoni tal-Prim Ministru.
Residenti mis-Siġġiewi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li din “mhix kwistjoni ta’ politika”, imma jekk proġett bħal dan jista’ iħalli impatt fuq it-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra u fuq id-Dar tal-Providenza, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għandu kull dritt li jitkellem.
Fix-xhur li għaddew, l-istess Kunsill tas-Siġġiewi kien oġġezzjona għall-bini ta’ razzett tat-tiġieġ fl-inħawi magħrufa bħala Tad-Dikkiena.
Din il-kwistjoni kienet tressqet ukoll quddiem il-Qorti.
Dwar l-iżvilupp tal-irziezet, id-diskussjoni fis-Siġġiewi se tkompli għada, t-Tlieta waqt laqgħa pubblika li se ssir fis-6.30 ta’ filgħaxija fil-bini tal-Kunsill Lokali.