Is-sigaretti elettroniċi joffru l-perikli wkoll

Uħud mill-esperti tas-saħħa kienu jemmnu li s-sigaretti elettroniċi huma l-arma ta’ suċċess kontra t-tipjip. Imma x-xjentisti qed iwissu li dawn is-sigaretti tal-fwar, minflok id-duħħan, mhumiex siguri daqs kemm kienu jaħsbu ħafna nies.

Ir-riċerka ppublikata fil-ġurnal BMJ Thorax, turi li meta persuna tibla’ l-fwar mis-sigarett elettroniku, tkun qed tipproduċi kimiċi li jagħmlu l-ħsara fil-pajpijiet tan-nifs, l-istess ħsara li joħolqu s-sigaretti normali.

Ix-xjentist ewlieni f’din ir-riċerka, il-Prof David Thickett, espert fil-mediċina respiratorja, qed iħeħħeġ għal-xettiċiżmu u kawtela dwar is-sigurtà ta’ dawn is-sigaretti.
Jidher li dan il-parir se jżid mal-konfużjoni pubblika dwar is-sigaretti elettroniċi, fejn anke aġenziji tal-Gvern Ingliż mhux jaqblu dwar is-suġġett.

Il-Prof Thickett jispjega li hemm aġenda ċara biex is-sigaretti elettroniċi jidhru li huma siguri. Jinsisti li t-tabakk jibqa’ iktar perikoluż mill-fwar iżda xorta wieħed ta’ inkwiet li l-istess mard jista’ jseħħ jekk persuna tpejjep is-sigarett elettroniku għal tul ta’ snin. Dan fost tħassib li l-użu tas-sigaretti elettroniċi qed jibda fost it-tfal li mingħalihom li ma hemmx perikli daqs li kieku jpejpu.

Xi tobba qed jiġu ggwidati joffru l-patches tan-nikotina u counselling minflok is-sigaretti elettroniċi lill-persuni li jridu jieqfu jpejpu s-sigaretti.