Is-siġar Maltin isibu posthom fuq il-bolli

MaltaPost se tieħu sehem f’ħarga filatelika tal-EuroMed Postal Union bit-tema ‘Trees of the Mediterranean’, b’sett li jikkonsisti f’żewġ bolli.
Il-bolli ta’ l-10ċ u ta’ €3.63 juru s-siġra nazzjonali ta’ Malta magħrufa bħala s-siġra ta’ l-Araar jew Sandarac. Din is-siġra kienet rappurtata li kienet qed tikber għall-ewwel darba fiż-żona tal-Maqluba fil-Qrendi u aktar tard, fl-1980, ġiet skoperta fil-Mellieħa. Illum tinstab f’diversi proġetti tal-afforestazzjoni, inkluż f’Foresta2000.
Il-bolli se jinħarġu f’folji t’għaxra. Kull bolla hi ta’ daqs 44mm x 31mm u għandha perforazzjoni ta’ 13.9x 14.0 (comb.) b’ watermark bis-Salib ta’ Malta. Il-folja hi ta’ 118mm x 185mm. Il-bolli ġew ipprintjati minn Printex Ltd bil-proċess offset u l-ħarġa tikkonsisti f’100,000 bolla tal-10ċ, u 40,000 bolla tat-€3.63. Dawn il-bolli huma ddisinjati mill-artist Richard J Caruana.
Il-bolli jinsabu għall-bejgħ f’kull fergħa postali. Ordnijiet jistgħu jsiru mis-sit www.maltaphilately.com, bil-posta mill-Philatelic Bureau MaltaPost p.l.c. 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001, bit-telefon 25961740 jew permezz tal-e-mail: info@maltaphilately.com