Is-siġar jitwarrbu għall-ġenb biex jagħmlu wisa’ għal parkeġġ

MGOZ - George Scerri

Riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi se twassal sabiex is-siġar li hemm jitwarrbu għall-ġenb biex jikber il-parkeġġ.

Dan qaluh il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt li żaru x-Xlendi u tkellmu dwar il-pjanijiet għaż-żona. Il-Ministru Mizzi qal li b’dan ix-xogħol issa l-parkeġġ se jiżdied għal 60 post. Il-Ministru semma wkoll li qed isiru diskussjonijiet bejn il-Ministru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dwar ir-riġenerazzjoni u r-riforniment tar-ramel fil-bajja tax-Xlendi.

Min-naħa tagħha l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li r-riġenerazzjoni tal-parkeġġ hija parti mill-masterplan ta’ din iż-żona turistika. Qalet li l-proġett ta’ riġenerazzjoni tax-Xlendi beda bil-bini mill-ġdid tal-moll u issa qed jiġu investiti €750,000.

Se ssir ukoll riġenerazzjoni tar-remissi tad-dgħajjes li jinsabu fl-istess żona u li jagħmlu użu minnhom għadd kbir ta’ sgħajjieda.

“Persuna fis-siġġu tar-roti ma tistax tgawdi x-Xlendi”

Intant fi stqarrija il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità sostniet li bir-rassa li nħolqot bl-estensjoni fuq il-bajja tar-ristoranti tax-Xlendi, persuna b’kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ mobbilità lanqas biss tipprova taħseb li toqrob lejn il-lokal, bil-wisq inqas tgawdi passiġġata tul ix-xtajta.

Il-Federazzjoni appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex ma jonqsux li jdaħħlu fil-pjan tagħhom dwar l-iżvilupp tal-bajja tax-Xlendi, modi ta’ aċċess aħjar għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Insistew li d-diżabilità m’għandiex toħloq xkiel għat-tgawdija tal-ġmiel tan-natura u bil-wisq inqas tfixkel id-dritt għat-tgawdija ta’ ħarġiet sal-baħar f’bajjiet li “huma patrimonju pubbliku.