“Is-siġar imħawlin fid-Dar tal-Kleru pulmun ta’ arja nadifa għall-Karkariżi” – L-Arċisqof

Knisja.mt / Ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li s-siġar li tħawlu minn Infrastructure Malta fid-Dar tal-Kleru huma pulmun ta’ arja nadifa, mhux biss għar-residenti tad-dar, imma għall-Karkariżi kollha.

L-Arċisqof apprezza l-ħidma li qed issir minn Infrastructure Malta mal-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ, fosthom bit-tħawwil ta’ siġar, fi spazji oħrajn miftuħa mmexxija mill-Knisja f’diversi lokalitajiet.

Waqt żjara fil-ġonna tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara, fejn qed jitħawlu 1,400 siġra minn
Infrastructure Malta, l-Arċisqof ħeġġeġ li jsiru aktar proġetti ta’ dan it-tip għaliex fi kliemu, ambjent san iħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu u
tas-soċjetà.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qal li apparti l-proġett ta’ tħawwil tas-siġar fid-Dar tal-Kleru, il-Knisja qed taħdem ma’ Infrastucture Malta fuq diversi proġetti oħra. Dawn jinkludu t-tisbiħ fuq in-naħa ta’ barra tal-Knisja Arċipretali tar-Rabat u tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Luċija. Pace Ross semma wkoll ix-xogħol li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Gvern fid-Domus u fl-Oratorju tas-Salesjani f’Ħad-Dingli, u fil-Mosta, fost l-oħrajn.