Is-siġar f’tas-Salini bdew jitqiegħdu f’postijiet ġodda

Il-proċess ta’ rilokazzjoni ta’ siġar minn Kennedy Grove u Triq is-Salini għal lokalitajiet differenti f’Malta beda għaddej mill-bidu nett tal-proġett fi Triq il-Kosta.
Wara li Newsbook irraporta kif madwar elf siġra kellhom jitneħħew biex jiġu rilokati minħabba dan il-proġett, dan is-sit tkellem ma’ żewġ kunsilli lokali li kienu mniżżla mal-lista ta’ lokalitajiet li fihom kellhom jitħawlu dawn is-siġar.
Is-Segretarju fil-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, Kevin Borg spjega li diġa’ bdew jitħawlu siġar indiġeni f’żoni partikolari f’din il-lokalità.
Huwa spjega kif kien il-Kunsill stess li kellem lill-Transport Malta biex uħud mis-siġar li se jiġu rilokati, jitħawlu f’Pembroke. B’kollox, dawn is-siġar qed jitħawlu f’erba’ siti differenti li ġew indikati mill-istess Kunsill Lokali.
Duncan Hall, is-Segretarju fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ukoll ikkonferma li bdew jiġu rilokati s-siġar mill-proġett ta’ Triq il-Kosta għar-raħal is-Sajjieda.
Huwa saħaq li s-siġar qed jitħawlu fiż-żona ta’ Port Ruman. Iż-żona fejn se jkunu qed jitħawlu dawn is-siġar fiha 10 ettari.
Għal kuntrarju ta’ dak li ġara f’Pembroke, kien il-Gvern li avviċina l-Kunsill Lokali biex jinstab post fejn jitħawlu dawn is-siġar.