Is-sieħeb tagħha jġegħilha tagħmilha ta’ prostituta

Mara li ma kellhix il-kuraġġ tirrapporta lill-Pulizija li kienet imġiegħla tagħmilha ta’ prostituta, xehdet fil-Qorti kif saret “il-priġuniera tas-sieħeb tagħha”. Il-Qorti semgħet kif il-mara kienet spiss vittma ta’ vjolenza domestika u ġiet mhedda diversi drabi mis-sieħeb tagħha Ans Abdulla Algheziwi, Libjan ta’ 31 sena.

Il-mara irrakkontat kif il-Libjan kien iġiegħlha tagħmilha ta’ prostituta biex bil-flus li taqla’ jkun jista’ jiffinanzja l-vizzju tax-xorb li kellu. Hija kienet tgħix mal-Libjan fil-Qawra u sostniet li kien isawwatha meta jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Semmiet kif spiċċat tilfet xogħolha minħabba d-daqqiet li qalgħet f’wiċċha tant li ma setgħetx tmur għax-xogħol. Il-mara kompliet tirrakkonta kif meta ma kinitx taħdem, kellha titlob il-flus mingħand binha li jgħix barra minn Malta, u qalet li dawn il-flus xorta ma kinux biżżejjed biex il-Libjan ikun jista’ jixtri l-alkoħol.

Il-mara kompliet tixhed kif darba minnhom sfat mhedda minn raġel b’sikkina wara li s-sieħeb tagħha qalilha li kien se jagħtiha xi flus. Hawnhekk is-sieħeb tagħha qalilha biex tgħid li kienet ġiet stuprata. Wara dan, marret għand il-Pulizija.

X’ħin il-Pulizija staqsewha għaliex ma kinitx irrappurtat dan kollu iktar kmieni, il-mara wieġbet li kienet tgħix bħala “priġuniera” u li l-Libjan kien jheddidha li se jxandar il-filmati tagħha waqt il-prostituzzjoni.

Algheziwi nżamm arrestat u ma saret l-ebda talba għal-libertà proviżorja.