Is-sieħba taċ-Ċiniż tingħata l-libertà proviżorja

Is-sieħba ta’ George Degiorgio iċ-Ċiniż, ingħatat il-libertà proviżorja fil-każ tal-ħasil ta’ flus li qed tiġi akkużata bih hi flimkien mas-sieħeb tagħha u ħuh Alfred Degiorgio.

Degiorgio huwa wieħed mit-tliet irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li ladarba diġà kien hemm tliet akkużi li fihom instemgħet xhieda marbuta mal-każ, jista’ jagħti l-libertà proviżorja b’għadd ta’ kundizzjonijiet li tħalli l-passaport u l-karta tal-identità, li ma toħroġx bejn l-10pm u 7am u li tiffirma fl-għassa tal-Qawra kuljum.

Il-Qorti ordnatilha tħallas depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000.

L-aħwa Degiorgio u s-sieħba ttellgħu l-Qorti b’akkużi ta’ ħasil tal-flus fis-27 ta’ Ġunju.