“Is-sidien tal-kera jixorbu s-sussidji għall-housing” – Roderick Galdes

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li s-sussidji li jingħataw mill-Gvern f’għajnuna soċjali fil-qasam tad-djar, qed jinxtorbu mis-sidien tal-kera.
Fl-intervent tiegħu fil-Parlament, fis-sessjoni sabiex il-Kamra tapprova l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Awtorità tad-Djar, Galdes kien qed iwieġeb għall-interventi tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Ivan Bartolo u Edwin Vassallo.
Bartolo u Vassallo, fost l-oħrajn, qalu li l-Gvern għamel wisq inqas minn kemm kien mistenni minnu fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, u dak li wiegħed ma wettqux.
Filwaqt li Galdes irrikonoxxa li seta’ sar aktar mill-Gvern, irrimarka li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-kera fl-1995 ġabet problemi li qed jiġu affaċċjati bħalissa anki minn gvernijiet oħra fl-Ewropa.
Enfasizza li s-suq tal-kera mhuwiex jindirizza l-problemi fis-settur, u għalhekk ippropona l-indħil tal-Gvern sabiex jgħin lill-vulnerabbli li qed jintlaqtu.
Fost l-oħrajn qal li għandu jkun hemm indiċi ta’ kif sid il-kera jista’ jgħolli l-prezz tal-kirja, inkella kuntratti ta’ tliet snin sabiex min jikri, ikollu rasu mistrieħa li l-kera mhix se togħlielu għal perjodu definit.
Min-naħa tiegħu, l-MP Nazzjonalista, Claudio Grech, semma kif it-talbiet għall-akkomodazzjoni soċjali żdiedu b’16% fi żmien meta l-Gvern jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha.
Stqarr li l-ekonomija trid tkun b’saħħitha mhux għas-sinjur biss, imma l-aktar għall-fqir. Sostna li għal dawk il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar, jew jgħixu fi djar b’kundizzjonijiet ħżiena, żgur li dan mhuwiex l-aqwa żmien tal-pajjiż.
Fl-istess ħin Grech qal li l-PN ma’ kienx għamel biżżejjed meta kien fil-Gvern, iżda mill-PL li jsejjaħ lilu nnifsu soċjalista kien jistenna ferm aktar.
Min-naħa tiegħu, Edwin Vassallo fakkar li Gvern Nazzjonalista kien ħalla lill-Gvern Laburista 16-il sit fejn fihom seta’ jibni djar tal-Gvern, iżda li minn dan ma sar xejn.
Fl-intervent tiegħu semma l-proġett ta’ €53 miljun mħabbar illum għal proġett ta’ akkomodazzjonijiet soċjali, bi qbil bejn Malita Investments u żewġ banek barranin.
Huwa saqsa dawn l-appartamenti humiex se jkunux għall-bejgħ b’mod issussidjat, inkella bil-kirja.
Meta tkellem il-Ministru Michael Farrugia, li fil-leġizlatura li għaddiet kien ministru għas-solidarjetà soċjali, qabbel is-sena 2012 mal-2016, fejn fost l-oħrajn gawdew minn benefiċċji għall-akkomodazzjoni soċjali elf persuna aktar, ingħataw €300,000 aktar f’sussidji għall-kera, u €350,000 aktar fi skemi għall-persuni b’diżabbiltà.
Enfasizza li meta tgħid li Gvern Laburista m’għamel xejn tkun qed tgħaġġel.
Kemm il-Ministru Farrugia kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Galdes ferħu lill-MP Nazzjonalista, Ivan Bartolo, għad-diskors tiegħu llum.