Is-sidien ta’ negozji żgħar se jispiċċaw jimponu lockdown fuqhom infushom – PN

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-sidien ta’ negozji żgħar u dawk self-employed qed jikkunsidraw jagħmlu lockdown fuq in-negozji tagħhom, skont il-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed u l-Koperattivi, Edwin Vassallo qal li fid-dawl ta’ kif in-numru ta’ każijiet pożittivi fil-pajjiż qed jiżdied kontinwament u x-xiri qed jonqos, għax il-kunsumaturi qed jagħżlu li jonfqu flushom fil-prodotti u servizzi essenzjali, ħafna sidien ta’ ħwienet żgħar u self-employed qed jikkunsidraw li jagħmlu lockdown. Spjega li dan il-lockdown jidher li mhux se jkun impost mill-gvern iżda mis-sidien stess tal-ħwienet u negozji, li se jispiċċaw jiddeċiedu huma xi jkun aħjar għalihom: “hux li jagħlqu temporanjament in-negozju tagħhom jew jibqgħu jiġġieldu l-kurrent u jħallsu l-ispejjeż.”

Il-PN ħeġġeġ lill-gvern sabiex iħejji pakkett ġdid ta’ miżuri ta’ għajnuna u b’hekk jgħin lill-ħaddiema u s-sidien ta’ negozji. Qal li permezz ta’ għajnuna fil-preżent ikun jista’ jħejji għall-isfidi xejn faċli ta’ futur li jidher li mhux se jkun wieħed sabiħ. Il-PN talab lill-PM juri aktar responsabbiltà lejn ħtiġijiet in-nies.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn