Is-sidien jitolbu lura l-binja tal-PL f’Biżebbuġa

Google Maps

Familja qed titlob lura il-propjetà tagħha f’Birżebbuġa li fl-1980 kienet ġiet rekwiżizzjonta mingħandha biex tintuża mill-Gvern. Aktar tard din il-propjetà ġiet trasferita lill-Partit Laburista. Issa, il-familja qed titlob lill-partit sabiex joħroġ minn din il-binja permezz ta’ protest ġudizzjarju.

Fl-ittra, l-avukati tal-familja spjegaw kif il-familja kienet qed titħallas madwar €1,000 fis-sena f’kera għal dar kbira li tinsab faċċata ta’ Pretty Bay f’Birżebbuġa, u propjetà oħra li tinsab bieb ma’ bieb magħha u li issa ġiet konnessa mal-każin.

Il-familja spjegat li d-dar li kienu jużawha bħala lukanda kienet intalbet mill-Gvern sabiex tibda tintuża mill-Awtorità tad-Djar bħala klinika u ċentru tat-telekomunikazzjoni. Madanakollu iktar tard hi ġiet trasferita lill-Partit Laburista biex tintuża bħala każin flimkien ma’ dar oħra fi Triq id-Duluri.

L-avukati insistew li Malta ma għandiex reputazzjoni pożittiva fejn tidħol il-liġi tal-kera u l-ksur tad-drittijiet umani f’dak ir-rigward. Irrimarkaw li Malta kemm-il darba ġiet imċanfra bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani permezz tal-liġi tal-kera. Madanakollu l-liġi qatt ma nbiddlet.