Is-sid ta’ Zara, Bershka u Stradivarius se jagħlaq mal-1,200 ħanut

Il-kumpanija li taħtha jaqgħu d-ditti Zara, Bershka, Massimo Dutti u Stradivarius, fost oħrajn, se tkun qed tagħlaq bejn 1,000 u 1,200 ħanut żgħir madwar id-dinja.

Dan ħabbritu l-kumpanija Indetex f’dokument ippubblikat li fih juri l-andament tal-kumpanija fl-ewwel kwart tas-sena. Fid-dokument kien hemm ukoll il-pjan li l-kumpanija għandha għall-futur. Hemm intqal li l-kumpanija li bħalissa għandha 7,412-il ħanut se tkun qed tnaqqas dawn għal bejn 6,700 u 6,900. Qalet li se tkun qed tiftaħ ukoll 450 ħanut ġdid li jkunu integrati bl-aħħar teknoloġiji.

Il-kumpanija spjegat li fil-maġġoranza tagħhom, dawn il-ħwienet huma tad-ditta Zara. Iżda hemm xi ħwienet oħrajn ta’ ditti oħra. Flimkien dawn jakkumulaw mal-5% jew 6% tad-dħul.

Spjegat li l-pjan qed jara li jagħti aktar saħħa lid-ditti Bershka, Pull& Bear u Stradivarious fiċ-Ċina u l-Ġappun. Fi Spanja, il-grupp se jkun qed ikompli bil-ħidma tiegħu li jagħlaq ħwienet żgħar biex jiftaħ ħwienet akbar, bħal kif ġara f’Bilbao u Pamplona. Intqal li fl-Amerika u l-bqija tal-Ewropa, il-prijorità hija li tkun konsolidata strateġija li tmexxi l-integrazzjoni sħiħa tad-dinja fiżika u diġitali.

Minkejja li wieħed jaħseb li ladarba jingħalqu l-ħwienet, mela jitkeċċew l-impjegati, Indetex qalet li dan mhux il-pjan. Qalet li se tkompli bl-istess strateġija li bdiet timplementa fl-2012 biex l-impjegati ta’ ħwienet li jingħalqu jingħataw pożizzjonijiet li bihom ikopru l-bżonnijiet tal-integrazzjoni online. Issa, il-kumpanija se tkun qed tiffoka fuq negozju online b’mod aktar b’saħħtu.

Meta wieħed jagħti titwila lejn id-dħul tal-kumpanija fl-ewwel kwart tal-2020, jidher li dan naqas b’44% matul l-ewwel kwart tal-2020.

F’kumment, il-Kap Eżekuttiv Pablo Isla qal li l-għajn bejn issa u l-2022 huwa li jaħdmu fuq l-implementazzjoni sħiħa tal-kunċett tal-ħanut online bl-idea li l-klijenti jkollhom servizz mingħajr interruzzjoni, fuq kwalunkwe apparat teknoloġiku u f’kull ħin tal-ġurnata.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.