Is-sħubija tkun effettiva jekk tinħass mill-poplu – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Eastern Partnership jista’ biss ikun ta’ suċċess jekk in-nies, is-soċjetà ċivili, u n-negozji jkunu jistgħu jħossu d-differenza.
Muscat qal dan waqt il-ħames Eastern Partnership Summit fi Brussel.
Waqt il-konferenza, Muscat qal li biex il-pajjiżi fis-sħubija jkunu jistgħu jirreġistraw aktar progress fit-triq lejn riformi, hemm il-bżonn ta’ approċċ effettiv u realistiku.
Fi Brussel, Muscat saħaq li Malta tirrikonoxxi s-sinifikat tal-Eastern Partnership u li l-pajjiż kompla jaħdem waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward.
Fost oħrajn Muscat semma l-kisbiet dwar il-liberilizzazzjoni tal-visa għal Georgia u l-Ukrajna.
Muscat temm jgħid li 20 punt ta’ implimentazzjoni għas-sena 2020 għandhom ikomplu jservu bħala gwida għat-tkabbir ekonomiku u l-konnettività.
Skont l-uffiċċju tal-Prim Ministru, is-summit laqqa’ Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-Unjoni Ewropea ma’ dawk tal-Armenja, tal-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, tal-Molodva u l-Ukrajna.
Ritratt: DOI – Kevin Abela