Is-sħana tremenda tikkawża nirien u mwiet madwar l-Ewropa

People enjoy sunset on the beach, as the heatwave hits France, in Cayeux-sur-Mer, France, June 28, 2019. Picture taken June 28, 2019. REUTERS/Pascal Rossignol

Mijiet ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar spiċċaw jissieltu ma’ nirien li ħakmu żona fin-nofsinhar ta’ Franza kawża tat-temperaturi sħan li ħakmu lill-Ewropa. L-istess temperaturi jidher li qatlu tliet persuni fl-Italja.

Fir-reġjun Gard, fejn ir-rekord tat-temperatura l-aktar għolja fi Franza ġiet irreġistrata l-Ġimgħa kienet dik ta’ 45.9 gradi celcius, rat medda ta’ sitt kilometri ta’ art meqruda bin-nirien. Jidher li n-nirien ħakmu numru ta’ djar u karozzi skont is-servizzi ta’ emerġenza.

Aktar minn 700 ħaddiem tat-tifi tan-nar u 10 ajruplani ingħaqdu f’ħidma sabiex jitfu n-nirien li saħansitra għalqu l-użu ta’ toroq prinċipali. Jidher li numru ta’ ħaddiema ndarbu imma ma ġewx irrappurtati ġrieħi serji.

Il-media Franċiża qalet li raġel ġie arrestat wara li beda xi nirien f’villaġġ ġewwa Gard.

Is-sħana estrema jidher li mistennija tonqos aktar tard illum fin-nofsinhar ta’ Franza, bl-għola temperatura tkun viċin l-40 grad celcius. Intant, Pariġi esperjenzat l-aktar ġurnata sħuna sa issa bl-ogħla temperatura titla’ għal 37 grad.